Lokali

Ana Gomes titlob lill-Europol tinvestiga rapporti malafamanti li xxerrdu fost l-oħrajn minn Rosianne Cutajar

L-MEP Soċjalista Ana Gomes talbet lill-Aġenzija Europol sabiex tinvestiga portal li jxandar aħbarijiet foloz u jinkixef min hu responsabbli għall-malafama dwarha u li qed tiġi mxerrda fost oħrajn mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.

 

Dan il-portal, li dwaru kien hemm diversi ilmenti li qed ixandar dawk li huma magħrufa bħala fake news, tella aħbar fejn ġie allegat li Gomes kellha kuntatt ma’ frodist magħruf. Din l-aħbar kienet rappurtat fil-ġurnal tal-Partit Laburista KullĦadd u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar xerrditha permezz tal-media soċjali.

 

Fuq Twitter, Ana Gomes qalet li malli kien ippubblikat dan il-materjal malafamanti, membri tal-Partit fil-Gvern f’Malta użaw dan il-materjal biex jimmalafamawha, b’mod partikolari id-Deputat Rosianne Cutajar. Gomes kompliet li dan aktarx għaliex tkellmet kemm-il darba dwar it-tfixkil li qed isir fil-kors tal-ġustizzja fil-ġlieda kontra r-reati finanzjarji u biex jinkixef min hu wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għal diversi drabi, Ana Gomes, li mexxiet delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, kienet sejħet għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

 

Min-naħa tagħha, id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Europol u ffirmata mill-Avukat Edward Zammit Lewis, qalet li t-talba ta’ Ana Gomes hi waħda frivola u hi intiza biex toħnoq il-liberta’ tal-espressjoni tagħha.