Futbol Sport

Guido Ugolotti jagħmel id-debutt bħala kowċ ta’ Floriana llum

Illum fil-Hibernians Stadium, Floriana jkunu fl-azzjoni kontra Gżira United u għat-tieni darba f’dan l-istaġun se jkollhom kowċ li jagħmel id-debutt. Guido Ugolotti hu t-tielet kowċ ta’ Floriana f’dan l-istaġun u ħa post Luis Oliveira li kien is-suċċessur ta’ Nicolas Chiesa li kien tneħħa wara żewġ logħbiet.

Fl-ewwel ħsibijiet tiegħu, Ugolotti qal li l-kampjonat hu kumbattut u hemm ftit differenzi bejn it-timijiet. Hu jemmen li għandu tim teknikament tajjeb bil-ballun u qal li għandu l-bażi fl-iskwadra, anki jekk irid jaħdem fuq kif ikunu spostati fil-pitch.

Hu qal li r-raġuni prinċipali li aċċetta dan l-inkarigu kien għaliex kellu assigurazzjoni li għandu materjal tajjeb fit-tim xi ħaġa li jemminha l-President ta’ Floriana Riccardo Gaucci.

Minkejja li ilu ftit jiem f’pajjiżna, Ugolotti ra l-partiti kollha li lagħbu Floriana f’dan il-kampjonat u kellu kliem ta’ tifħir għal Gżira United minn madwar tliet logħbiet li segwa. Ugolotti qal li Gżira huma tim li jiddefendi tajjeb u għandhom saħħa fl-attakk u minn dak li ra ħaqqhom ikunu fejn jinsabu.

Il-kowċ Taljan għandu 60 sena u l-aħħar klabb li mexxa kien Teramo li jilagħbu fil-Lega Pro. Ugolotti kellu karriera bħala plejer, bl-aktar esperjenza sinifikanti tkun dik ma’ Roma fejn lagħab bejn l-1975 u l-1983, b’esperjenzi b’self ma’ Avellino u Pisa f’dak iż-żmien.

Fil-preżent, Floriana jinsabu fid-disa’ post fil-klassifika, seba’ punti taħt Sliema Wanderers, Balzan u Ħamrun Spartans li jinsabu fir-raba’ post, li jfisser possibbilment l-aħħar post fl-Ewropa li hu l-għan prinċipali tal-klabb.