Hi r-responsabbiltà tagħna li nassiguraw li l-lingwa Maltija tkun integrata u użata fl-isfera diġitali, inkluż fuq pjattaformi diġitali u permezz ta’ assistenti diġitali bħal Siri u Alexa. Permezz ta’ dan, inkunu qed nassiguraw li l-lingwa nazzjonali tibqa’ relevanti fid-dinja diġitali. Qal dan l-MEP Franis Zammit Dimech meta kien qed jindirizza l-Workshop annwali Translating Europe bit-tema: “Prospetti diġitali: appoġġ lill-preżenza online tal-lingwa Maltija.”
Zammit Dimech qal li l-lingwa Maltija tiffċċja r-riskju ta’ estinzjoni diġitali – minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ teknoloġiku. Filwaqt li sostna li l-lingwa Maltija għandha tkun imsaħħa fuq il-pjattaformi u applikazzjonijiet diġitali, Zammit Dimech fakkar li hu ressaq numru ta’ emendi fuq rapport li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-lingwi fid-dinja diġitali, u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati.
“Il-lingwa Maltija hi parti mill-identità tagħna, li tagħmilna kburin. Hu għalhekk li jien nemmen li hu importanti li niffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwa Maltija, li nużaw fid-dinja ta’ kuljum kif ukoll fil-media diġitali,” żied Zammit Dimech.
Waqt li kien qed jirreferi għall-aħbarijiet riċenti, Zammit Dimech esprima tħassib li f’Malta, jeżistu ħafna żgħażagħ li mhux kapaċi jiktbu u jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliżi, u wħud minnhom qed imorru ħażin l-iskola għaliex ma jafux jiktbu jew jitkellmu l-lingwa b’mod tajjeb. “Inu-nuqqas f’dawn il-ħiliet hu ta’ tħassib għaliex jekk iż-żgħażagħ mhux kapaċi jitkellmu lingwi b’mod tajjeb, mhux se jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Hu biss permezz ta’ sforzi li ngħallmu l-lingwa Maltija lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li nkunu nistgħu nħallu l-lingwa tagħna ħajja u nitrażmettuwha l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-lingwa Maltija hi importanti fi kwalunkwe mod – kemm biex nikkomunikaw ma’ xulxin kif ukoll online.”
Zammit Dimech qal ukoll li l-media diġitali ġdida tiprovdi opportunità li nipromwovu l-użu tal-lingwa Maltija online biex tilħaq kemm jista’ jkun nies possibbli madwar id-dinja. “Irridu naħdmu flimkien biex nassiguraw li servizzi diġitali oħra jkunu ntrodotti bil-lingwa Maltija,” żied jgħid.
Fid-diskors tiegħu, Zammit Dimech irrefera wkoll għall-isforzi li għamel biex jinkludi lil Malta fil-Youtube Partnership Programme. “It-tnedija ta’ paġna ta’ Youtube għal Malta hi waħda mill-kisbiet ewlenin ta’ din is-sena li mhux biss se tgħin biex issir promozzjoni tal-kontenut ta’ dawk l-artisti Maltin li joħolqu l-kontenut, iżda tikkunmpensa wkoll b’mod finanzjarju għall-kontenut li joħolqu online, kif ukoll tespandi l-opportunitajiet biex jinħoloq kontenut online bil-lingwa Maltija.”
//= $special ?>