Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar taqbel ma’ illegalità fil-Mellieħa

Waqgħu fuq widnejn torox diversi lmenti lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar moll li kien se jinbena b’mod illegali.

NET News tkellem mal-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa Ivan Castillo, li saħaq li l-Liġi tistipula li ladarba xi bini jaqa’, dan għandu jiġi applikat qabel jerġa’ jinbena bini ieħor.

Hu kompla li l-moll mhux talli kien qed jinbena kontra l-Liġi, iżda saħansitra d-deċiżjonijiet li ttieħdu rigward dan il-bini se jkunu qed jagħmlu numru ta’ ħsarat lill-ambjent tal-lokalità.

Castillo spjega li meta tkellem mal-Awtorità tal-Ippjanar, u għamel ilment magħhom dwar dan l-iżvilupp illegali, hu ma ngħatax widen.

Kien għalhekk li mar għand l-Ombudsman tal-Ambjent, Andrew Saliba, fejn irriżulta li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg ra li ma kienx hemm għalfejn issir applikazzjoni għal dan l-iżvilupp minħabba li skont hu, dan kien diġà hemm.

U dan minkejja li d-deċiżjoni tmur kontra l-Liġi. Ivan Castillo stqarr ma’ NET News li hi xi ħaġa tal-biża’ li persuna f’din il-kariga qisu ma jafx il-Liġi.

L-Ombudsman qabel ma’ dak li kien qed jgħid il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista u għadda direttiva għall-infurzar u li l-moll jitneħħa minnufih.

Ivan Castillo tenna li minflok ma jaraw kif jistgħu jsebbħu l-lokalità, l-awtoritajiet qed ikerħuha b’illegalitajiet, daqslikieku xejn mhu xejn.

Ikkummenta