Il-konfront ta’ għada bejn Lazio u Milan wasal f’mument partikolari għaż-żewġ timijiet hekk kif it-tnejn jinsabu f’pożizzjoni tajba li jilħqu l-mira tagħhom, dik li jiksbu post mal-ewwel erbgħa li jfisser post fil-UEFA Champions League staġun ieħor.
Milan ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Juventus li kkanċellat it-tliet rebħiet konsekuttivi preċedenti fil-kampjonat. Lazio fuq in-naħa l-oħra fl-aħħar tliet logħbiet kisbu telfa, draw u rebħa u bħalissa jinsabu punt fuq ir-Rossoneri.
Bħalissa Milan għaddejjin minn kriżi ta’ injuries. Fost l-oħrajn, il-kowċ Gennaro Gattuso għandu neqsin lill-captain Alessio Romagnoli, Matteo Musacchio, Lucas Biglia, Giacomo Bonaventura kif ukoll Gonzalo Higuain li jinsab sospiż żewġ logħbiet wara li l-appell ma ntlaqax. Gattuso qed jipprova tal-anqas jirkupra lil Davide Calabria u Hakan Calhanoglu.
Milan se jidħlu għal din il-logħba b’rekord negattiv kontra l-ewwel erba’ timijiet ta’ bħalissa. Huma rebħu darba biss mill-aħħar 16-il logħba, iżda dik ir-rebħa waslet proprju kontra Lazio. Fil-logħba li ntlagħbet fi Stadio Olimpico fl-ewwel rawnd tal-istaġun li għadda, Lazio kienu rebħu 4-1 u meta wieħed jikkunsidra kollox, Lazio jibdew ftit favoriti.
L-ewwel tliet timijiet fil-klassifika Juventus, Napoli u Inter kollha jibdew favoriti li jiksbu rebħiet f’darhom kontra timijiet fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika. It-tliet timijiet għandhom ukoll il-logħbiet taċ-Champions League u għalhekk iridu jaħsbu wkoll fuq dawn il-konfronti.
Juventus mhux mistennija jfallu milli jiksbu t-12-il rebħa fi 13-il rebħa b’konfront kontra Spal. L-avversarji tagħhom jinsabu fil-15-il post fil-klassifika, erba’ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni. Huma rnexxielhom iwaqqfu s-serje ta’ telf qabel il-waqfa internazzjonali bi draw f’darhom kontra Cagliari. Spal kellhom bidu pożittiv iżda fl-aħħar 10 logħbiet kisbu biss żewġ rebħiet.
Napoli li ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi jaffrontaw lit-tim tal-qiegħ Chievo fi Stadio San Paolo. Chievo għadhom qed ifittxu l-ewwel punti fil-kampjonat wara li kellhom tliet punti mnaqqsa. Għal darba oħra huma kellhom bidla oħra fit-tmexxija teknika b’Domenico Di Carlo jieħu t-tmexxija.
Inter jittamaw li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa ta’ 4-1 kontra Atalanta fl-aħħar logħba. Huma bħalissa jinsabu fit-tielet post u jilqgħu fi Stadio Giuseppe Meazza lil Frosinone. Inter kisbu 13-il punt minn sitt logħbiet f’darhom filwaqt li Frosinone kisbu erba’ punti barra minn darhom iżda ġejjin minn rebħa u tliet draws fl-aħħar erba’ logħbiet.
//= $special ?>