Xott fil-kummenti tiegħu u mingħajr ħafna dettalji, minkejja li kien issikkat mill-ġurnalisti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ikkonferma li l-Gvern reġa’ qed jinnegozja ma’ Steward Healthcare.
U dan minkejja li meta kien żvelat li ta’ Steward ħadu f’idejhom tliet Sptarijiet Pubbliċi mingħand tal-Vitals, l-istess Ministru Fearne kien qal li dan hu “The Real Deal”. Iżda issa, jidher li dan ir-“Real Deal” qed jerġa’ jkun diskuss mill-ġdid.
Il-ftehim ma’ Steward Healthcare jagħti l-konċessjoni lil din il-kumpanija biex tmexxi l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal 30 sena. Iżda sal-lum għadu mhux magħruf x’kien hemm fil-kuntratt biex din il-kumpanija ħadet l-Isptarijiet minn idejn Vitals Global Healthcare.
Sa minn meta sar magħruf li l-Gvern għamel il-ftehim mal-Vitals, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mill-ewwel insistiet li t-tliet Sptarijiet għandhom jibqgħu totalment f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi.
Ftit tal-jiem ilu, rapporti fil-media lokali qalu li anqas minn sena mill-ftehim ma’ Steward Healthcare, il-Gvern qed jerġa’ jinnegozja xi aspetti mill-kuntratt.
Mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti, id-Deputat Prim Ministru qal biss li l-laqgħat qed jitrattaw servizzi li l-Gvern qed jistenna li jkunu offruti minn ta’ Steward u li ma kienux fil-ftehim oriġinali.
Min-naħa l-oħra, hu ma weġibx jekk dawn il-laqgħat ġodda hux se jwasslu għal xi dewmien fil-miri stabbiliti mħabbra xhur ilu mill-Gvern.
//= $special ?>