Tnediet il-pjattaforma virtwali Family Time bil-għan li l-ġenituri bi tfal żgħar u bi tfal bi bżonnijiet speċjali jkunu jafu b’attivitajiet u inizjattivi organizzati għalihom. Din il-pjattaforma tnediet taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li qalet li huwa d-dritt tat-tfal kollha li jsibu postijiet varji fejn jirrikreaw ruħhom.
Id-direttriċi ta’ dan il-proġett Anna Gallo spjegat li l-ideja hi li l-familji bi tfal żgħar ikunu jistgħu jfittxu postijiet adattati kemm għall-eta’ kif ukoll għall-abilita’ tat-tfal tagħhom.
Tajjeb li nispjegaw kif taħdem din il-pjattaforma. Din se tkun sit fuq l-internet li fih il-ġenituri jistgħu jfittxu attivitajiet varjati skont il-gosti tat-tfal tagħhom. L-attivitajiet se jvarjaw minn attivitajiet edukattivi, kulturali, sportivi, ta’ divertiment kif ukoll wieħed jista’ jsib lista ta’ ristoranti adattati u aċċessibli għat-tfal.
Dan il-proġett seta’ jkun possibli bis-sapport tal-Kummissarju għat-Tfal, ta’ Nature Trust Malta, tal-Istituto Italiano di Cultura, kif ukoll l-Akwarju Nazzjonali u l-Esplora.
Wieħed jista’ jaċċessa din il-pjattaforma fl-indirizz www.familytimemalta.com.
//= $special ?>