Tottenham Hotspur qed jimmiraw li jiksbu s-seba’ rebħa minn tmien logħbiet fil-Premier League hekk kif jilqgħu lil Chelsea f’wieħed mid-derbies ta’ Londra. Fl-istess ħin huma jippruvaw jagħtu l-ewwel telfa lil Chelsea, li flimkien ma’ Manchester City u Liverpool għadhom bla telfa fil-Premier League.
Tottenham ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi missielta kontra Wolves u Crystal Palace. Fuq in-naħa l-oħra, Chelsea ġejjin minn żewġ rebħiet u draw u sofrew biss gowl fl-aħħar tliet logħbiet.
Mill-aspett storiku, Tottenham se jkunu qed ifittxu it-tieni rebħa konsekuttiva fuq Chelsea għall-ewwel darba minn Awwissu tal-1987. Huma jittamaw li Dele Alli jkompli r-rekord pożittiv kontra Chelsea hekk kif skorja ħames gowl mill-aħħar erba’ logħbiet.
Mauricio Pochettino qed jittama li din il-logħba ddawwar ir-rotta għal Tottenham f’darhom hekk kif minn total ta’ 27 punt, kisbu biss sitt punti. Id-difensur Davinson Sanchez flimkien ma’ Kieran Trippier, Danny Rose u Mousa Dembele se jkunu neqsin għal Tottenham. Chelsea fuq in-naħa l-oħra ma jidhirx li għandhom problemi minkejja li xi plejers kellhom xi daqqiet minn logħbiet tat-timijiet nazzjonali.
Tim li żgur għandu bżonn il-punti hu Manchester United, hekk kif iridu jinqalgħu mit-tmien post li bħalissa jinsabu fih. Ir-Red Devils ġejjin minn telfa fid-derby ta’ Manchester u bħalissa jinsabu fit-tmien post, seba’ punti taħt ir-raba’ post. Crystal Palace qed ifittxu l-ewwel rebħa fi tmien logħbiet.
Il-manager ta’ Manchester United Josè Mourinho ma jidhirx li għandu problemi ta’ plejers imweġġgħin iżda se jkollu lil Luke Shaw sospiż. Roy Hodgson ukoll mistenni jkun kważi bit-tim kollu, bl-eċċezzjoni ta’ Connor Wickham, Christian Bentek u Scott Dann.
Watford jippruvaw jirritornaw għar-rebħ biex iżommu mal-ogħla postijiet. Il-missjoni tagħhom hi aktar diffiċli hekk kif jilqgħu lil Liverpool li għadhom bla telfa. Watford ġejjin minn draw u telfa fl-aħħar żewġ logħbiet filwaqt li Liverpool rebħu 10 punti mill-aħħar erba’ logħbiet. Il-manager Javier Garcia żgur li prepara b’aktar attenzjoni biex irażżan lil Mohamed Salah u Roberto Firmino. Fl-aħħar żewġ logħbiet bejn dawn it-timijiet, Salah kien involut direttament f’sitt gowls, filwaqt li Firmino kien involut f’seba’ gowls mill-aħħar ħames logħbiet.
//= $special ?>