Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Kristy Debono qalet li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija mibnija fuq tlett pedamenti, b’viżjoni strateġika ekonomika li verament tkattar ġid fit-tul għal pajjiżna, tiġġieled il-korruzzjoni u jinħoloq ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha. Hija qalet dan meta indirizzat il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Kristy Debono qalet li l-viżjoni strateġika ekonomika li tkattar ġid fit-tul, hija li tibni fit-tul fuq setturi serji u b’saħħithom li jrendu għall-ġejjieni, u mhux biċ-cheap labour u l-prekarjat. Dan kollu marbut ma’ sistema bankarja serja u retta li ma tikbirx bil-ħasil tal-flus. Hija qalet li l-attakk qawwi u l-ġlieda bla rażan lill-korruzzjoni għandu jsir għaliex bil-korruzzjoni jaslu biss il-korrotti u l-kriminali, filwaqt li l-persuni onesti jibqgħu l-art. Kristy Debono qalet li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kien qal li hawn bżonn power station ġdida iżda llum sirna nafu kif din kienet biss strateġija sabiex grupp żgħir ta’ persuni jagħmlu kemxa flus, f’sistema ta’ kumpaniji sigrieti li ħadd ma jkun jaf bihom, iżda dan il-pjan inkixef.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono qalet li ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha jfisser li l-ġid li jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku verament jasal għand kulħadd. Dan fejn ma jibqax jiżdied il-faqar finanzjarju, ma tibqax tiżdied il-lista tal-persuni li għandhom bżonn housing soċjali, ma jkunx hemm aktar familji li jgħixu fil-garaxxijiet u barranin fl-irziezet, tonqos il-lista tal-istennija fl-isptarijiet, aktar għajnuna liż-żgħażagħ biex jixtru propjetà, tittieħed bis-serjetà l-ammont taż-żgħażagħ li ma jkomplux jistudjaw u l-anzjani jkollhom pensjoni li verament toffrilhom ħajja diċenti. Hija qalet li din hija l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta, bid-dokument tal-Kunsill Ġenerali huwa l-punt tat-tluq għad-diskussjoni fejn inwelldu pjan fit-tul għal pajjiżna.
Kristy Debono qalet li l-Partit Nazzjonalista ma jridx jingħalaq fih innifsu fejn niżolaw lil pajjiżna, iżda jeħtieġ li jkollna immigrazzjoni bi pjan għal pajjiżna li jiflaħ għall-ammont tal-ħaddiema barranin li jiġu f’Malta, politika demografika li minnha jgawdu kemm Maltin, il-barranin u l-pajjiż. Il-President tal-Kunsill Ġenerali qalet li l-Partit Nazzjonalista seta’ għażel li jħalli kollox kif inhu, bi tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni, iżda minflok irid leaders li jagħtu direzzjoni lil pajjiżna bi pjan fit-tul għas-snin li ġejjin. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista mhux bħall-Partit Laburista u ma jilgħabx bil-futur ta’ uliedna. Dan għaliex mhix viżjoni politika li tgħid li se tagħmel ‘għaxar snin’ biex imbagħad titlaq, minflok il-Partit Nazzjonalista jrid li jħalli legat għall-Maltin.
Kristy Debono qalet li ma rridux li n-nies iwarrbu lill-Gvern Laburista minħabba li huwa korrott biss, iżda rridu li jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista għaliex jemmnu fil-viżjoni politika soda tiegħu. Hija qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għal Malta u Għawdex li tgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu fil-valuri tal-partit u li jridu bidla għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
//= $special ?>