Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea approvaw ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet futuri bejnhom u dan il-pajjiż. Dan waqt li fis-summit sinifikanti tallum (għall-pajjiżi) fi Brussell, spikka l-kumment li ‘dan hu l-aħjar u l-uniku ftehim possibbli’ fiċ-ċirkustanzi.
Wara 20 xahar ta’ negozjati, is-27 Mexxejja tal-UE qalu ‘iva’ għall-ftehim dwar il-Brexit wara anqas minn siegħa ta’ diskussjoni. Huma qalu li l-ftehim – li jrid ikun approvat mill-Parlament tar-Renju Unit – iwitti t-triq għall-irtirar ‘iddixxiplinat’ tal-Britanniċi mill-grupp ta’ pajjiżi.
Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-ftehim ‘jipprovdi r-riżultat li xtaqu l-Britanniċi’ filwaqt li jmexxi lir-Renju Unit ‘lejn futur ta’ prosperità’.
Theresa May, waqt diskors fi Brussell, ħeġġet lill-votanti Britanniċi li huma ‘favur’ u ‘kontra’ il-Brexit biex jingħaqdu wara dan il-ftehim ‘għaliex il-poplu tar-Renju Unit ma jridx ikompli jintilef fl-argumenti dwar dan il-proċess’.
Ir-Renju Unit għandu jispiċċa minn membru tal-UE fid-29 ta’ Marzu tal-2019. Dan meta l-Unjoni uffiċjalment, waqt din il-laqgħa qasira, aċċettat il-kundizzjonijiet għall-irtirar tar-Renju Unit, biex b’hekk ikkonkludew in-negozjati li kienu bdew f’Marzu tal-2017.
Intant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li ‘jkunu diżappuntati’ dawk ir-residenti fir-Renju Unit li jistgħu jaħsbu li l-UE se tressaq xi kundizzjonijiet aħjar (għall-Britanniċi) f’każ li d-deputati parlamentari f’Londra jivvutaw kontra l-ftehim.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk – li żvela l-ewwel aħbar dwar il-qbil rigward il-ftehim fuq Twitter – qal li ma jridx jispekula dwar x’għandu jsir f’każ ta’ sitwazzjoni bħal din, waqt li tenna li hu ‘ma jbassarx il-futur’.
Il-Parlament Britanniku mistenni jivvota dwar il-ftehim għall-Brexit kmieni x-xahar id-dieħel u meta l-approvazzjoni tiegħu żgur li mgħandhiex titqies bħala ħaġa ‘iggarantita’. Dan meta numru ta’ deputati Konservattivi fil-Gvern, flimkien mal-Partit Laburista, il-Liberali Demokratiċi, il-Partit Nazzjonali Skoċċiż u l-Partit DUP tal-Irlanda ta’ Fuq qed jidhru li beħsiebhom jivvutaw kontra l-ftehim.
Min-naħa tagħha, May appellat lill-Britanniċi biex jesprimu appoġġ għall-ftehim ‘li filwaqt li jinvolvi l-kompromessi hu anki wieħed tajjeb li jawgura futur sabiħ għar-Renju Unit’. U f’kumment sinifikanti hi sostniet li t-territorju ta’ Ġibiltà ‘se jibqa’ jifforma parti mill-familja tar-Renju Unit’, b’referenza għall-aħħar kwistjoni bejn Londra u Spanja dwar dik il-penisola.
Fi Brussell, illum, ma’ kien hemm l-ebda vot formali bl-UE tipproċedi bl-aġenda fuq bażi ta’ konsensus.
//= $special ?>

