Internazzjonali

Il-President Macron jikkundanna l-aħħar kaos u vjolenza f’Pariġi

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, ikkundanna lid-dimostranti li, fi tmiem il-ġimgħa, iġġieldu mal-pulizija f’Pariġi fost il-protesti kontra ż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel. Macron, permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, qal li ‘imisshom jistħu dawk kollha li attakkaw lill-uffiċjali tal-liġi’ u li ‘mhemm l-ebda post għall-vjolenza fi Franza’.

L-inħawi ta’ Champs-Elysees, fil-kapitali, nhar is-Sibt, inbidlu f’ħuġġieġa ta’ tensjoni u kaos, bil-pulizija tuża l-kanuni tal-ilma u l-gass tad-dmugħ biex tferrex lid-dimostranti mal-moviment ‘tal-ġgieget sofor’.

Dan il-moviment twaqqaf bil-ħsieb li jmexxi l-protesti kontra ż-żieda fid-dazju fuq id-diesel, iżda maż-żmien, il-moviment beda jirrifletti r-rabja popolari kontra l-qabża fl-ispejjeż ta’ kuljum ( li qed jispikkaw b’mod partikulari qalb iz-zoni rurali) kif ukoll l-għadab tan-nies għal ċerti aspetti ta’ politika li qed jixpruna Macron.

Fi tmiem il-ġimgħa, ‘il fuq minn 100,000 persuna ħadu sehem f’aktar minn 1,600 dimostrazzjoni ta’ protesta madwar Franza. Kien fil-fatt f’Pariġi fejn inqalgħu l-agħar inċidenti wara li nġabru hemmhekk ‘il fuq minn 8,000 dimostrant.

Gruppi ta’ dimostranti f’Pariġi ippruvaw jgħaddu minn sezzjonijiet ‘ipprojbiti’ li kienu waqqfu l-Pulizija, huma u jqabbdu n-nirien u jqaċċtu s-sinjali tat-traffiku u biċċiet tal-bankina li użawhom bħala ‘missili’ għal kontra l-istess Pulizija. Il-kaos kompla għal sigħat u sakemm il-Pulizija kontrollat is-sitwazzjoni. L-uffiċjali qalu li talanqas 20 persuna, fosthom Pulizija, weġġgħu fil-konfronti ta’ Pariġi, u li kienu arrestati madwar 40 dimostrant.