Sport Sport Ieħor

John Michael u Deta Hedman jirbħu l-ogħla unuri fil-31 edizzjoni tal-Malta International Darts Open

John Michael u Deta Hedman rebħu s-sezzjonijiet tal-irġiel u n-nisa rispettivament fil-31 edizzjoni tal-Malta International Darts Open. Fit-tlett ijiem, ħadu sehem total ta’ 450 parteċipant magħmula minn 256 raġel, 51 mara, 137 par fil-kompetizzjoni tad-doppji u sitt parteċipanti fil-kompetizzjoni ta’ diżabbiltà.

Michael għeleb lill-finalist tal-Kampjonat tad-Dinja tal-2012 Andy Hamilton 6-3 biex kiseb ir-raba’ suċċess f’din il-kompetizzjoni. L-aktar plejer lokali li avvanza kien Tony Demanuele li kien eliminat fil-fażi tal-aħħar 16 mill-Ispanjol Jose Augusto Oliveira Sousa. Norbert Attard, Kirsten Aquilina u John Ciantar waslu sal-aħħar 32.

Hedman kisbet it-titlu għat-tieni sena konsekuttiva u fil-finali għelbet lis-sid numru tnejn Julie Thompson 4-0. Althea Ciantar waslet fil-kwarti tal-finali fl-ewwel dehra fil-Malta International Darts Open filwaqt li Josianne Caruana kienet eliminata rawnd qabel.

Il-koppja Spanjola Barbero-Sousa għelbu 4-1 lill-koppja magħmula minn Read u Lamb biex rebħu l-kompetizzjoni tad-doppji. Albert u Enrico Scerri kif ukoll Tony Borg u Godfrey Abela kienu eliminati t-tnejn fil-kwarti tal-finali. Mis-sezzjoni tan-nisa t-titlu ntrebaħ mill-koppja Ingliża Perrin u King li għelbu lill-Grieg Margeta Chatzi u r-Rumena Andreaa Brad.

Għall-ewwel darba sar avveniment għal persuni b’diżabbiltà, b’Tony “the tiger” Pass jikseb l-ewwel titlu b’rebħa ta’ 3-2 kontra l-Ungeriż Miklos Joszef fil-finali.

Tags