Il-votanti fl-Iżvizzera qalu ‘le’ għal proposta biex il-liġi tal-pajjiż tingħata preċedenza fuq il-liġijiet u t-trattati internazzjonali. Dan skont ir-riżultati li ħarġu s’issa minn referendum nazzjonali, fost indikazzjonijiet li mas-67 fil-mija tal-poplu ħarġu kontra l-proposta.
In-nies li kritikaw il-proposta qalu li l-kunċett kellu jaffettwa ħażin ir-reputazzjoni u l-pożizzjoni tal-Iżvizzera fuq livell globali. Intant, iċ-ċaħda tal-proposta ‘dwar is-sovranità’ hi daqqa ta’ ħarta kbira għall-Partit tal-Poplu Żvizzera (SVP) tal-lemin estrem li kien ħareġ biha oriġinarjament.
L-SVP, tul is-snin, kien ressaq għall-vot diversi proposti, fost oħrajn, dwar it-tnaqqis tar-rabtiet mal-Unjoni Ewropea u biex il-pajjiż jillimmita l-immigrazzjoni. L-analisti, issa, ma jeskludux li d-disfatta fir-referendum dwar is-sovranità qed tirrifletti l-fatt ‘li l-politika populista tal-SVP ( l-akbar partit fil-Parlament) tista’ mgħadhiex daqstant popolari fost l-Iżvizzeri’.
Li kieku għaddiet, il-proposta setgħet affettwat ir-relazzjonijiet tal-Iżvizzera mal-Unjoni Ewropea u anki man-Nazzjonijiet Uniti.
//= $special ?>

