Id-distakk bejn Napoli u Juventus kiber għal tmien punti wara li Napoli kienu miżmuma f’darhom fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Chievo. Milan kienu qrib rebħa fondamentali li biha kienu jitilgħu fir-raba’ post tal-klassifika iżda sofrew gowl fl-aħħar sekondi.
BOLOGNA – Għas-sitt logħba konsekuttiva, Bologna naqsu li jiksbu rebħa iżda kisbu r-raba’ draw fl-aħħar sitt logħbiet bi draw ta’ 0-0 kontra Fiorentina fi Stadio Renato Dall’Ara. B’dan ir-riżultat, Fiorentina naqsu li jitilgħu fis-sitt post daqs Parma. Bologna marru qrib il-gowl fit-42 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Riccardo Orsolini. Fiorentina kellhom ċans tajjeb li jiskorjaw il-gowl tar-rebħa fil-71 minuta iżda Nikola Milenkovic laqat il-wieqfa b’daqqa ta’ ras.
EMPOLI – Empoli wettqu rimonta mill-aqwa u nqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa ta’ 3-2 fuq Atalanta fi Stadio Carlo Castellani. REMO FREULER kien poġġa lil Atalanta minn fuq wara 33 minuta b’xutt mill-kaxxa ż-żgħira, iżda dan il-vantaġġ setgħu tilfuh ħames minuti wara meta ngħataw penalty minħabba li l-ballun deher imiss ma’ id Andrea Masiello, deċiżjoni li ttieħdet wara konsultazzjoni mal-VAR. Iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Francesco Caputo stampa mal-mimduda, b’Atalanta jaqbdu kontrattakk li minnu rduppjaw meta Duvan Zapata krossja mix-xellug lejn HANS HATEBOER li skorja b’daqqa ta’ ras. Reazzjoni immedjata ta’ Empoli li naqqsu d-distakk fit-42 minuta b’xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ ANTONIO LA GUMINA. Empoli ġabu d-draw fis-77 minuta b’awto-gowl ta’ Andrea Masiello, b’Atalanta jkollhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fl-84 minuta wara li tkeċċa Josip Ilicic. Empoli ħadu vantaġġ mis-superjorità numerika u skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MATIAS SILVESTRE.
ĠENOVA – Dak li hu magħruf bħala d-Derby della Lanterna reġa’ ma ddiżappuntax b’Genoa u Sampdoria spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’logħba missielta u mimlija azzjonijiet. Kienu Sampdoria li fetħu l-iskor wara tmien minuti b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ FABIO QUAGLIARELLA, iżda Genoa ġabu d-draw fis-17-il minuta meta rebħu penalty għal fawl fuq Piatek. Mill-11-il metru l-istess KRZYSZTOF PIATEK għeleb lil Emil Audero b’xutt fir-rokna leminija biex skorja l-10 gowl fil-kampjonat.
RUMA – Gowl lejn it-tmiem ċaħħad lil Milan minn rebħa importanti li biha kienu jaqbżu lill-istess Lazio. Milan li kellhom diversi plejers nieqsa, kellhom prestazzjoni pożittiva u kienu dehru li se skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-78 minuta b’xutt ta’ FRANCK KESSIE li kien imxellef u qarraq bil-gowlkiper Thomas Strakosha. Lazio ġabu d-draw proprju fl-94 minuta b’xutt fil-baxx ta’ JOAQUIN CORREA li għeleb lil Gianluigi Donnarumma.
NAPOLI – Napoli naqsu li jwieġbu għar-rebħa ta’ Juventus wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Chievo fi Stadio San Paolo. Għal Chievo dan kien l-ewwel punt fil-kampjonat wara li fil-bidu tnaqqsulhom tliet punti, f’dak li kien ukoll l-ewwel punt fir-ritorn ta’ Domenico di Carlo bħala kowċ ta’ Chievo. Fost diversi azzjonijiet li kellhom, Napoli marru viċin li jiskorjaw madwar kwarta mit-tmiem, b’xutt sabiħ ta’ Lorenzo Insigne minn tarf il-kaxxa l-kbira li stampa mal-wieqfa.
PARMA – Parma telgħu fis-sitt post tal-klassifika meta fi Stadio Ennio Tardini għelbu lil Sassuolo 2-1. GERVINHO fetaħ l-iskor fis-sitt minuta b’xutt li l-gowlkiper Consigli salva mingħajr ma żamm, bl-istess plejer jagħmel ċert mill-gowl mir-rebound. BRUNO ALVES irdoppja fl-20 minuta wara li ħa vantaġġ minn indeċiżjoni ta’ Consigli f’azzjoni ta’ korner. Sassuolo naqqsu d-distakk fis-36 minuta meta r-referee Paolo Valeri ordna penalty wara konsultazzjoni mal-VAR. Mill-11-il metru KHOUMA BABACAR għeleb lil Luigi Sepe.
Riżultati: Bologna v Fiorentina 0-0 , Empoli v Atalanta 3-2 , Genoa v Sampdoria 1-1 , Lazio v Milan 1-1 , Napoli v Chievo 0-0 , Parma v Sassuolo 2-1
Klassifika wara t-13-il ġurnata: Juventus 37 punt, Napoli 29 punt, Inter 28 punt, Lazio 23 punt, Milan 22 punt, Parma 20 punt, Roma 19-il punt, Sassuolo 19-il punt, Fiorentina 18-il punt, Atalanta 18-il punt, Torino 17-il punt, Sampdoria 16-il punt, Genoa 15-il punt, Cagliari 14-il punt, Spal 13-il punt, Empoli 12-il punt, Udinese 12-il punt, Bologna 11-il punt, Frosinone 7 punti, Chievo punt
*Torino u Cagliari b’logħba jilagħbu għada
//= $special ?>