“Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni alternattiva, għaliex pajjiżna għandu bżonn pjan ċar. U huwa għalhekk, li bdejna nippreżentaw proposti imfasslin fuq il-ħsieb.”
Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli fir-replika tiegħu waqt l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista … fejn stqarr b’mod dirett illi din hi il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista; pajjiżna għandu quddiemu triq oħra, triq li toħloq il-ġid bis-sewwa….u li tibni nazzjon awtentiku għas-Seklu 21.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega l-effetti taż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni, li dwarha qed jitkellmu unions, esperti fl-Università, u esperti fis-settur tal-propjetà.
Saħaq illi d-dokument ‘Ġid għal Kulħadd, Soċjeta li Jimpurtaha’ hu ibbażat fuq konsultazzjoni, is-sehem ta’ esperti, u proċess li fih il-Partit Nazzjonalista qiegħed jisma’ b’mod wiegħsa.
Għall-kuntrarju, il-Partit Laburista qed imexxi b’faqar ta’ politika li minnha qed ibatu l-familji, u b’Ministru tal-Finanzi li moħħu biss fiċ-ċifri tas-surplus, u mhux fin-nies.
Is-Segretarju Ġenerali insista li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun il-partit tal-kwistjonijiet tan-nies, filwaqt li wassal appell dirett biex filmkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tissaħħah il-ġlieda kontra l-mod kif qed imexxi l-Gvern ta’ Muscat.
Fir-replika tiegħu, Clyde Puli ħabbar li fl-aħħar sena, daħlu membri mal-1,700 tesserat fil-Partit Nazzjonalista. Qal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru aktar kandidati ġodda għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Intant, fil-Kunsill Ġenerali ipparteċipaw b’kollox 125 kelliem, fosthom uħud miż-żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-programm ‘Future Leaders’.
Il-Kunsill Ġenerali infetaħ mill-President Kristy Debono illi irringrazzjat lil dawk kollha li stinkaw biex tfasslu il-laqgħat kollha ta’ din il-ġimgħa. Il-kordinatriċi tal-Kunsill, Amanda Abela, minn naħa tagħha preżentat rendikont tal-laqgħat Distrettwali, li għalihom kien hemm preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
//= $special ?>