Lokali

“Niżirgħu t-tama għall-Maltin” – Adrian Delia

Aħna l-partit tan-nies b'viżjoni, bi pjan fit-tul u proposti konkreti biex jinħoloq ġid għal kulħadd

‘Aħna l-partit tan-nies li se jitkellem għan-nies, li mhux jikkritika biss imma li jressaq proposti konkreti sabiex jinħoloq il-ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-diskors tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal- Partit Nazzjonalista bit-tema Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha.

Tul tmiem il-Kunsill Ġenerali Adrian Delia qal li issa sirna nafu għalfejn qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista ried jibni power station ġdida, u kif l-għada li ħadu l-ġurament fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama. Dan meta l-midja rrappurtat kif is-sid tal-kumpanija misterjuża 17 Black huwa wkoll direttur ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju li ntgħażel biex jibni u jħaddem din il-power station. Adrian Delia qal li Joseph Muscat qed jgħid li se jistenna l-konklużjoni tal-inkjesti, meta waħda qed iwaqqafha bl-appelli u l-oħra qed jgħid li mhix fuq Keith Schembri. Dan meta Joseph Muscat jgħid li ma jistax ikun jaf fuq min hi l-inkjesta imma jgħid li mhix fuq Keith Schembri, u li hi fuq il-kumpanija 17 Black meta dan qatt ma jista’ jkun.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat jgħid li ma jara l-ebda rabta bejn 17 Black, Keith Schembri Konrad Mizzi, meta permezz ta’ Nexia BT iddikjaraw li kienu se jirċievu €150,000 fix-xahar kull wieħed mingħand 17 Black. Huwa qal li Joseph Muscat kien qal li Keith Schembri jirriżenja jekk ikun hemm investigazzjoni kriminali kontrih imma baqa’ hemm. Joseph Muscat mhux qed jgħid il-verità u issa ħadd mhu qed jemmnu aktar. Adrian Delia staqsa min hu l-veru Prim Ministru bejn Joseph Muscat u Keith Schembri?.

Min hu l-veru Prim Ministru ta’ Malta, Keith Schembri jew Joseph Muscat?

Adrian Delia wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni b’zero tolerance u se jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta. Huwa qal li se jibqa’ jiġġieled sabiex jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ tal-Maġistrat Aaron Bugeja u biex it-tliet sptarijiet li l-Gvern ta lil Vitals jerġgħu jingħataw lura lin-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni, u fl-2016 ma kienx kapaċi jgħodd eżatt kemm hawn nies f’Malta u spiċċa ta ċifri ħżiena u kellu jirrevedi l-istatisika, għaliex ma kienx jaf li kien hawn 20,000 persuna aktar. Huwa qal li għall-Gvern, il-barranin huma biss numri għall-bolla, b’uħud spiċċaw jgħixu fl-irziezet. Dan meta l-faqar finanzjarju żdied b’10,000 f’ħames snin filwaqt li aktar anzjani qed jispiċċaw fir-riskju tal-faqar għax il-pensjoni mhix biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti u n-nisa għandhom qed ibatu mill-gender pay gap.
Dr Delia qal li jrid immigrazzjoni intelliġenti bi skill transfer mill-ħaddiema barranin għall-ħaddiema Maltin, Kummissarju tal-Pulizija li jkun serju u aktar siġurtà b’għases li jkunu miftuħin u attrezzati b’mod xieraq. Huwa wiegħed li Gvern Nazzjonalista ġdid se jiggarantixxi li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, u li jingħataw lura l-flus żejda li l-familji qed iħallsu mis-serq tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Adrian Delia qal li l-Gvern għarraq l-ambjent u nesa għal kollox il-biedja, meta għandna r-raba’ l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa, l-aħħar fir-riċiklaġġ tal-iskart u traffiku li kuljum jiżdied bl-ammont ta’ karozzi ġodda kuljum fit-toroq. Huwa qal li fl-aħħar ħames snin id-dħul tal-bdiewa naqas b’14% u fil-budget il-Gvern nesa kompletament lill-bdiewa, ma sab xejn xi jgħid dwar il-biedja u minflok qal li din ma tantx tikkontribwixxi lill-ekonomija. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jippreżenta pjan għal sistema moderna u effiċjenti għat-trasport pubbliku, sistema serja tar-riċiklaġġ tal-iskart u investiment serju b’aktar inċentivi għall-bdiewa biex jibqgħu iwasslu prodott bnin. Dan filwaqt li pajjiżna jsir hub tal-innovazzjoni fejn jiġi żviluppat it-talent taż-żgħażagħ tagħna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li soċjetà li jimpurtaha huwa messaġġ ta’ tama bbażat fuq ħames pilastri li huma l-ħarsien tal-ħajja, għajxien diċenti għal kulħadd, il-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja, u l-identità tagħna bħala Maltin.