Festi Knisja Lokali

FILMAT: “Qed noħolqu gidba biex naħarbu mir-responsabbiltà” – L-Arċisqof Scicluna

Il-Knisja Kattolika tagħlaq is-sena kalendarja b’Kristu Re

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Kristu Re, ir-Ragħaj tal-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna saħaq fuq l-importanza tal-verità u li wieħed ma jaħrabx minnha fid-dawl tal-kmandamenti li jħarsu l-proxxmu:

“La tigdibx għaliex fil-verità, fir-rispett tal-fatti hemm ir-rispett veru lejn xulxin, hemm il-veru responsabbiltà. Ħafna mid-drabi noħolqu l-gidba biex naħarbu mir-responsabbiltà tagħna. Kulħadd irid ikun responsabbli u jagħti kont ta’ għemilu.”

Dan fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ serq sfaċċat minn flus il-poplu:

“Il-kmandament ‘La toqtolx’ iħares lil kull wieħed u waħda fid-don sabiħ tal-ħajja. Il-Mulej jgħid la tisraqx lil min jieħu dak li mhux tiegħu, min ir-responsabbiltà tiegħu jeħodha bħala okkażjoni ta’ gwadan. Il-Mulej jgħid la tolqotx lil min jobgħod lil ħuh għax min jobgħod f’qalbu diġà hu qattiel.”

Il-Knisja Kattolika ttemm is-sena kalendarja tagħha permezz tas-Solennità ta’ Kristu Re, Sultan tal-Ħolqien u l-Univers, liema festa ġiet inkluża fl-1925 mill-Papa Piju XI bħala tweġiba għall-qawmien tas-sekulariżmu u n-nazzjonaliżmu.

Il-Knisja f’Malta ta’ kull sena ttella’ Ċelebrazzjoni Djoċesana ppreseduta mill-Arċisqof ta’ Malta fejn il-Knisja twassal il-messaġġ tagħha tul iċ-ċelebrazzjoni. Iċ-ċelebrazzjoni din is-sena bdiet b’korteo minn quddiem l-istatwa ta’ Kristu Re fil-Furjana tul Triq ir-Repubblika sal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, fejn ġiet kantata t-talba l-Għasar segwita mill-Barka Sagramentali.

F’riflessjoni li għamel l-Arċisqof waqt l-Għasar, quddiem l-ogħla dinjitarji tal-pajjiż fosthom numru ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, u Kon-Katidral ippakkjat bin-nies, Mons Scicluna kompla jitkellem fuq ir-realtà qarrieqa ppreżentata mill-fake news u l-post-truth:

“Il-gidba saret strument ta’ firda li tkisser mhux biss lin-nies imma popli sħaħ.”

Huwa rrefera għal qari bibbliku fejn Kristu qal la toqtolx lil min ixaħħam butu u min jisfrutta lin-nisa għaliex il-kummerċ tagħhom ineżżalhom id-dinjità u jagħmel ħsara kbira lis-soċjetà.

Intant, wara din il-Festa, il-Knisja tiftaħ is-sena kalendarja bl-Avvent li jwassal lill-Insara madwar id-dinja jiċċelebraw il-miġja ta’ Ġesù Bambin.