Lokali

Restawrata l-vara tal-Kunċizzjoni

Il-komunità Bormliża tista’ terġa tgawdi l-istatwa tal-maħbuba Marija Immakulata hekk kif matul is-sena li għaddiet din ġiet restawrata b’mod estensiv.

L-istatwa kellu jsirilha restawr ħafif  iżda meta beda x-xogħol, il-Kapitlu sab li kien ikun aħjar jekk isir restawr sħiħ biex issa l-wiċċ, l-idejn u s-saqajn reġgħu kisbu l-kulur oriġinali li kellhom bil-bidu tas-seklu għoxrin.

L-istatwa, li hi attribbwita lis-soru Marija Dedomenico hija maħdma fl-injam. Fl-1905 Abram Gatt kien ġie mqabbad mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata biex jagħmel xi tibdil fil-vara biex din inksiet bil-fidda.

L-alterazzjonijiet li saru tant kienu kbar li l-Istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni kif nafuha lluma ngħidu li hi xogħol ta’ Gatt. Fl-2005 imbagħad tqiegħed stellarju tad-deheb madwar ras il-Madonna.

Il-pedestall tal-fidda li fuqha qegħda l-istatwa sar iktar tard u fih jiddominaw il-figuri tal-profeti Mosè, Isaija, Ezekjel u s-simboli tal-erba’ Evanġelisti.

L-istatwa rrestawrata ġiet ipprezentata s-Sibt filgħaxija fil-Knisja Kolleġġjata ta’ Bormla.