Futbol Sport

RITRATTI: Id-disa’ rebħa Pawlista tal-istaġun tasal kontra l-eks Mario Muscat

(Ritratt: Trevor Sollars)

QORMI………………………..1 HIBERNIANS…………….2

Qormi: J. Azzopardi, A. Cassar (A. Abela 52’), M. Micallef, D. Mansi, L. Adamec, Kassiano (M. Borg 80’), Y. Yankam, M. Arieta (S. Kim 60’ ), F. Gnindogponou, Alexsandro, T. Gusman

Hibernians: A. Hogg, M. Dias, I. Ntow, A. Agius, N. Radojevic, D. Vella, J. Bezzina, J. Mbong, J. Degabriele (T. Tabone Desira 91’), T. Fonseca, Taylon (F. Costa 78’)

Imwissija: I. Ntow 46’ (H), A. Abela 86’ (Q), N. Radojevic 90’ (H)

Skorjaw: J. Bezzina 37’, Taylon 65’ (H), T. Gusman 66’ (Q)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Alan Camilleri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jamie Azzopardi (Qormi)

Attendenza: 544

Rapport: George Cassar

Hibernians kisbu d-disa’ rebħa tal-kampjonat kontra Qormi li għall-ewwel darba tmexxew mill-eks Mario Muscat. Qabel il-partita l-eksgowlkiper Pawlist ippreżenta bukkett fjuri lit-tim li sa ftit jiem ilu kien parti mit-tmexxija teknika tiegħu. B’din ir-rebħa t-tim minn Raħal Ġdid reġa’ ngħaqad ma’ Gżira United fl-ewwel post tal-klassfika u allura żewġ punti fuq Valletta.

Minkejja t-telfa, deher progress fit-tim ta’ Qormi li kellhom ukoll iċ-ċansijiet tagħhom u rnexxielhom jiskurjaw il-gowl li bih reġgħu daħlu fil-partita meta kien fadal 25 minuta għat-tmiem.

Spikka għalihom il-gowlkiper Jamie Azzopardi li ċaħħad lill-attakkanti ta’ Hibernians speċjalment lil Taylon f’diversi okkażjonijiet ta’ skor. Għall-Qriema ddebutta l-Franċiż Freud Gnindogponou li kellu wirja pożittiva fuq il-faxxa leminija tal-attakk. Il-plejers ta’ Hibernians lagħbu b’faxxa sewda ma’ jdejhom bħala luttu għall-mewt ta’ Vince Moran li serva bħala tabib tal-klabb Pawlist għal ħafna snin.

Wara seba’ minuti Taylon fetaħ tajjeb lejn Jurgen Degabriele li kkonkluda iżda x-xutt tiegħu ħabat ma Davide Mansi li kien fuq il-linja tal-gowl u l-ballun mar għall-korner. Il-Qriema għal ftit ma ħasdux lill-Pawlisti fl-għaxar minuta meta Nemanja Rodojevic ta pass qasir lura, Tensior Gusman daħal fl-azzjoni qabel laħaq Andrew Hogg iżda x-xutt imkaxkar tiegħu mar ftit barra.

L-iskor inbidel għall-ewwel darba fis-37 minuta meta JOHANN BEZZINA rċieva mingħand Taylon, dar ma’ Alessio Cassar u skorja b’xutt imdawwar. Hibernians baqa’ jkollhom l-aħjar ċansijiet iżda dejjem sabu lill-plejer tal-logħba Jamie Azzopardi jilqgħalhom. Ħames minuti fuq is-siegħa logħob, Jurgen Degabriele qabad lid-difiża Qormija b’kontrattakk, ta pass perfertt lil TAYLON MARCOLINO li sa fl-aħħar għeleb lil Jamie Azzopardi b’xutt fil-baxx għat-tieni gowl Pawlist.

Madankollu Qormi daħlu immedjatament fil-logħba meta l-kross mix-xellug tas-sostitut Kim Seo-In ħasad lid-difiża ta’ Hibernians u ż-żagħżugħ TENSIOR GUSMAN għeleb lill-gowlkiper Andrew Hogg. Madankollu Hibernians irnexxielhom jikkontrollaw tajjeb u żammew ir-riżultat hekk sal-aħħar.