Futbol Sport

RITRATTI: Tarxien Rainbows jirbħu konfront dirett ieħor

(Ritratt: Trevor Sollars)

PIETÁ H………………… 0   TARXIEN R……………. 3

Pietá: N. Vella. T. Ose, I. Jalo, C. Grech, C. Degabriele, D. Agius, R. Artiaga, J. Busuttil (S. Nakamura 64’), N. Pace Cocks (J. Ghio 83’), G. Mensah, P. Chimezie (C. Bouvet 83’)

Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, S. Radovanovic, M. Botta, D. Zerafa, J. Wemmer (M. Brincat 87’), G. Aquilina, A. Agius, Ricardinho, A. Nilsson (M. Ciantar 68’), M. Paolucci (Jacson 76’)

Skorjaw: A. Nilsson 45’, M. Paolucci – pen. 67’, 74’ (T)

Imwissija: M. Botta 48’,  A. Scicluna 63’ (T), C. Degabriele 66’ (P)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Michele Paolucci (Tarxien Rainbows)

Rapport: George Cassar

Tarxien Rainbows reġgħu rebħu konfront dirett ieħor biex b’hekk issa ssuperaw lil Floriana u St. Andrews u telgħu fit-tmien post. Wara li għelbu lil St. Andrews, Ħamrun Spartans, Qormi u Senglea Athletic, din id-darba rebħu kontra Pietà Hotspurs bi tliet gowls.

Għalihom kellu partita ferm pożittiva l-Ġermaniż Jens Wemmer li mexxa tajjeb lit-tim f’nofs il-grawnd u tema’  ħafna blalen liż-żewġ attakkanti prinċipali Alexander Nilsson u Michele Paolucci li t-tnejn li huma reġgħu sabu x-xibka.

Pietà ħassew in-nuqqas tad-difensur Tony Machedo Neto li kien sospiż fejn wettqu żbalji kontinwi fid-difiża li ppermettew spazji lill-avversarji. Dan huwa riżultat negattiv għat-tim immexxi minn Ramon Zammit li kien qed juri titjib fl-aħħar logħbiet tant li kien għadu ġej minn tliet partiti li minnhom dejjem ħadu l-punti.

Tarxien ħarġu fuq l-attakk iżda ftit li xejn irnexxielhom jikkonkludu. Il-kowċ tagħhom Josè Borg tkeċċa f’nofs l-ewwel taqsima minħabba protesti. Minkejja dan, ir-Rainbows irnexxielhom jidħlu jistrieħu b’gowl minn fuq li skurjawh fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima. Minn kross mix-xellug, ALEXANDER NILSSON għola bejn żewġ difensuri ta’ Pietà Hotspurs u għeleb lill-gowlkiper Nicky Vella bir-ras.

Pietà sabu x-xibka ftit wara s-siegħa l-logħob meta x-xutt ta’ Gabriel Mensah kien salvat minn Andrea Cassar. Paul Chimezie ħa r-rebound u skorja iżda r-referee Malcolm Spiteri ħassar il-gowl fuq senjalazzjoni tal-assistent referee minkejja li r-ripetizzjonijiet tal-azzjoni urew li l-attakkant Niġerjan ma kienx f’pożizzjoni ta’ offside.

Fis-66 minuta kien hemm daħla ta’ Christian Degabriele fil-kaxxa li waqqgħet lil Alex Nilsson. Ir-referee Spiteri ordna penalty li MICHELE PAOLUCCI skurjah.

Kwarta mit-tmiem wasal anki t-tielet gowl Tarxiniż meta Jens Wemmer qassam lejn MICHELE PAOLUCCI li kellu l-ewwel xutt tiegħu mblukkat minn Christian Degabriele iżda t-tieni wieħed spiċċa fir-rokna tax-xibka. Dan kien is-seba’ gowl staġjonali għall-attakkant veteran Taljan. Fl-aħħar minuti Dylan Agius resaq qrib li jiskorja l-gowl tal-bandiera għal Pietà iżda x-xutt tiegħu twaqqaf mil-lasta.