Basketball Sport

Starlites jibqgħu mhux megħluba fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

STARLITES GIG…………. 92   FLORIANA MCP………… 57

(21-17, 20-16, 30-13, 21-11)

Starlites GIG kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Floriana 92-57 b’wirja tajba wara l-mistrieħ, f’dik li kienet l-ewwel telfa għal Floriana MCP Car Parks. L-Amerikan ta’ Floriana kellu logħba, mhux l-istess għall-erba’ Amerikani ta’ Starlites li komplew jimpressjonaw speċjalment Tagarelli li spiċċa l-aqwa skorer b’24 punt.

Floriana kisbu l-ewwel ħames punti tal-logħba, iżda Starlites tjiebu u qasmu l-logħba. Kienu tmien konsekuttivi ta’ Starlites li bihom spiċċaw l-ewwel sessjoni 21-17 minn fuq. Huma komplew jikkonsolidaw il-vantaġġ kif bdiet it-tieni sessjoni u kabbru d-distakk għal 10 punti. Wara time-out u diversi sostituzzjonijiet, Floriana bdew jaqsmu l-logħob u daħlu jistrieħu 41-33 minn taħt.

Floriana resqu eqreb l-avversarji wara l-mistrieħ, iżda minn hemm Starlites dawru l-ballun aħjar fl-attakk u kabbru d-distakk sa nofs it-tielet perjodu. Ir-reazzjoni ta’ Floriana ma waslitx, b’Starlites ikomplu jiddominaw biex bdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ komdu ta’ 71-46. Floriana bdew jgħaġġlu fl-attakk b’konsegwenza li ma kinux preċiżi. Starlites ma kellhomx diffikultà biex jamministraw il-vantaġġ biex b’hekk kisbu rebħa komda.

Depiro jirbħu lejn it-tmiem

HIBERNIANS………. 83   DEPIRO……………….. 86

(27-20, 21-21, 23-28, 12-17)

Depiro għelbu liċ-champions Hibernians bl-aħħar sforzi f’logħba bilanċjata. L-Amerikani Hamilton u Steen spikkaw għal Depiro hekk kif bejniethom kisbu 51 punt, bit-twil Damcesan jispiċċa l-aqwa skorer ta’ Hibernians b’25 punt.

Wara bidu bilanċjat, Depiro kisbu sitt punti konsekuttivi u marru 11-5 minn fuq. Hibernians kisbu għaxar punti u dawru l-iskor għal 15-11 u saħansitra daħlu jistrieħu b’seba’ punti vantaġġ. Depiro kellhom bidu tajjeb għat-tieni perjodu u marru 28-27 fil-vantaġġ. Iżda Hibernians irkupraw u daħlu jistrieħu 48-41 minn fuq.

Huma komplew fejn ħallew wara l-mistrieħ u kabbru l-vantaġġ għal 58-44, vantaġġ li kkontrollawh tajjeb sal-bidu tal-aħħar sessjoni. Iżda Depiro daħlu fil-logħba u wasslu biex naqqsu d-distakk għal basket. L-aħħar għaxar minuti kienu movimentati, b’Hibernians imorru 81-78 minn fuq, iżda Depiro kisbu sitt punti mingħajr risposta biex rebħu l-logħba.

Price jagħti r-rebħa lil Gżira Athleta

BUPA LUXOL………….. 77   GŻIRA ATHLETA……. 79

(19-24, 19-27, 18-10, 21-18)

Gżira Athleta kisbu l-ewwel rebħa wara tliet logħbiet meta għelbu lil BUPA Luxol permezz ta’ basket fl-aħħar sekondi mill-Amerikan Price. Luxol kellhom nieqes liż-żagħżugħ Dimech, bis-Serb tagħhom Jandric reġa’ spiċċa l-aqwa skorer bi 32 punt filwaqt li Price kien l-aħjar skorer għal Athleta.

Gżira Athleta kellhom l-aħjar bidu iżda Luxol tjiebu u ġabu d-draw 9-9. Athleta wieġbu b’disa’ punti u marru 18-9 biex spiċċaw l-ewwel sessjoni 24-19 minn fuq. Luxol irnexxielhom imorru 27-26 vantaġġ, sakemm Gżira Athleta kellhom mument tajjeb biex dawru l-iżvantaġġ f’vantaġġ ta’ 35-27. Luxol tjiebu iżda Athleta daħlu jistrieħu 13-il punt vantaġġ.

Gżira Athleta dehru li setgħu jikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom meta kienu 61-46 minn fuq. Luxol stenbħu u fl-aħħar minuta naqqsu d-distakk għal ħames punti, b’għaxar punti ta’ Jandric. Kif bdiet l-aħħar perjodu, Luxol għamlu l-iskor 67-67 u anki marru 77-72 minn fuq iżda Gżira Athleta ġabu d-draw. Il-play maker ta’ Luxol Alhberg kellu l-ballun fl-aħħar pussess u prova jżommu biex jieħu l-aħħar xutt, iżda Price rnexxielu jisraq il-ballun u skorja l-basket deċiżiv.