Sport Sport Ieħor

Valletta Futsal jdawru żvantaġġ ta’ tliet gowls u jirbħu l-konfront mistenni kontra Luxol

(Ritratt: Joe Borg)

Iċ-champions Valletta rnexxielhom jirbħu l-konfront dirett kontra Luxol 4-3 wara li wettqu rimonta mill-aqwa u dawru żvantaġġ ta’ tliet gowls f’rebħa missielta u f’logħba eċċitanti.

Luxol kellhom bidu mill-aqwa u fetħu l-iskor wara biss minuta permezz ta’ Maicon Silva, bil-Brażiljan jirdoppja l-iskor mill-viċin fir-raba’ minuta. Il-logħba kompliet tieħu xejra differenti hekk kif ftit sekondi wara George Frendo għamilhom 3-0 wara li ħa vantaġġ minn żball difensiv ta’ Valletta.

Minħabba d-differenza minima bejn iż-żewġ timijiet, sa dak il-ħin il-logħba kienet pjuttost differenti minn dik prevista. Id-dilettanti tal-futsal lokali stennew reazzjoni immedjata minn Valletta, u kien proprju l-captain Melvin Borg li naqqas id-distakk fis-seba’ minuta b’xutt fil-baxx wara li rċieva b’mod brillanti minn Camilo Gomez.

Valletta daħlu fil-logħba erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima b’Melvin Borg ikun pront biex jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża wara li xutt ta’ Mohamed Elamari ma nżammx mill-gowlkiper ta’ Luxol. It-tim ta’ Xavier Saliba ġab id-draw minuta u 20 sekonda minn tmiem l-ewwel taqsima, b’xutt ta’ Dylan Musu mill-viċin wara passaġġ tajjeb ta’ Jovica Milijic.

Il-logħba nbidlet fit-tieni taqsima hekk kif iż-żewġ timijiet kienu konxji minn xulxin. Luxol kellhom opportunità tad-deheb li jerġgħu jmorru minn fuq, tliet minuti u nofs mill-ftuħ tat-tieni taqsima hekk kif Valletta kellhom lill-gowlkiper Stefan Vella mkeċċi wara li mess il-ballun b’idu barra barra n-nofs tond. Iżda f’żewġ minuti bi plejer aktar, Luxol ma skorjawx.

Ta’ dan pattew qares għaliex fis-27 minuta Valletta skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta għal darba oħra kien Melvin Borg li rċieva mingħand Gomez fuq ix-xellug u minn angolu ristrett għadda l-ballun taħt saqajn Mifsud. Valletta kellhom l-istess opportunità lejn nofs it-taqsima, b’George Frendo jintwera t-tieni karta safra wara li mess il-ballun b’idu, iżda huma wkoll naqsu li jieħdu vantaġġ. Lejn it-tmiem, Luxol għafsu biex tal-anqas isalvaw il-logħba u kienu mċaħħda mil-lasta darbtejn, bit-tieni okkażjoni tasal fl-aħħar sekondi tal-logħba.

Klassifika: Luxol 18-il punt, Valletta 18-il punt, Swieqi United 18-il punt, Birkirkara 15-il punt, l-Università ta’ Malta 12-il punt, Tarxien Rainbows 9 punti, Pietà Hotspurs 3 punti, Swieqi U21 3 punti, Luxol U19 3 punti, UM Futsal Academy 3 punti (Valletta u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi għandhom logħba nieqsa)

Logħob li jmiss

Għada: Padiljun ta’ Kordin – Pietà H. v Swieqi U. U21 – 8.15pm

It-Tlieta: Padiljun ta’ Kordin – Tarxien R. v Università – 8.15pm

Il-Ħamis: Padiljun ta’ Kordin – Luxol U19 v Swieqi U. – 8.15pm

Il-Ġimgħa: Padiljun ta’ Kordin – Valletta v Birkirkara – 8.15pm

Il-Ġimgħa: Skola Nazzjonali tal-Isport – UM Futsal A. v Luxol – 8.45pm