Alexander Albon se jkun qed jagħmel id-debutt tiegħu fil-Formula 1 is-sena d-dieħla hekk kif tħabbar li hu se jkun sewwieq ta’ Toro Rosso l-istaġun li ġej. Albon se jkun mat-tim Taljan (li hu t-tieni tim ta’ Red Bull) flimkien ma’ Daniel Kvyat u se jieħu post Brendon Hartley.
Albon ġej minn staġun impressjonanti fil-Formula 2, tant li kien wieħed minn żewġ sewwieqa li kellu ċ-ċans jirbaħ it-titlu minkejja li finalment kien George Russell li ħareġ rebbieħ.
Is-sewwieq mit-Tajlandja li twieled Londra, għamel staġun biss fil-Programm tal-Juniors tar-Red Bull fl-2012. Hu deher li seta’ jtellaq fil-Formula E s-sena d-dieħla iżda issa li ġie kkonfermat bħala sewwieq tal-Formula 1, se jkun l-ewwel Tajlandiż minn Prince Bira fl-1955.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Albon qal li minħabba li twaqqa’ mill-programm ta’ Red Bull fl-2012, kien jaf li t-triq lejn il-Formula 1 kienet se tkun aktar diffiċli. Hu rringrazzja lit-tim u lil Helmut Marko li emmnu fih u tawh it-tieni ċans.
Is-sewwieq ta’ 22 sena rebaħ erba’ tiġrijiet u spiċċa l-kampjonat tal-Formula 2 fit-tielet post. Hu sar it-tielet sewwieq tal-Formula 2 li ġie promoss għal Formula 1 wara Lando Norris (McLaren) u George Russell (Williams). B’hekk l-uniku post vojt li għad fadal għall-istaġun li jmiss hu min se jkun ma’ Sergio Perez fit-tim ta’ Force India.
Is-sewwieqa għall-istaġun li ġej
Mercedes Lewis Hamilton Valtteri Bottas
Ferrari Sebastian Vettel Charles Leclerc
Red Bull Max Verstappen Pierre Gasly
Renault Daniel Ricciardo Nico Hulkenberg
Haas Romain Grosjean Kevin Magnussen
McLaren Carlos Sainz Lando Norris
Force India Sergio Perez /
Toro Rosso Daniil Kvyat Alexander Albon
Sauber Kimi Raikkonen Antonio Giovinazzi
Williams George Russell Robert Kubica
//= $special ?>