Lokali Parlament

Baġit bla viżjoni fit-tul fit-trasport

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-EU integrat il-protezzjoni tal-klima mat-trasport, element li għandu kejl sostanzjali fir-rigward ta’ ambjent sostenibbli. Hu f’dan il-qasam li pajjiżna jirrokka anke għall-fatt li għalkemm it-tema tal-baġit ta’ din is-sena kienet ‘Ngħixu s-Suċċess’, jibqa’ l-fatt li fit-rigward tat-trasport dan kien baġit bla viżjoni fit-tul.

Dan il-Ministeru jħaddan fih waħda mill-problemi prinċipali li għandna f’pajjiżna, li fniet lill-poplu Malti u Għawdxi li hi t-traffiku u l-konsegwenzi li dan qed iġib miegħu fosthom tniġġiż qawwi tal-arja. Il-Gvern baqa’ passiv u l-uniku pjan li għandu hu li jwessa’ t-toroq biex iżid il-karozzi fit-toroq, miflok jesplora ideat ġodda kif dan it-twessieh jipprovdi kuruturi għall-użu ta’ transport alternattiv.

Dan juri li għalkemm dan il-Gvern għandu ferneżija sħiħa li jwessa’ t-toroq biex iżid il-‘car capacity’  fit-toroq, m’hu qed joffri l-ebda alternattiva prattika oħra ta’ mobilità. Filwaqt li wliedna u wlied uliedna qed imutu ftit ftit bl-ammont kbir ta’ tniġġiż li għandna f’ pajjiżna, għandna gvern li ħareġ bl-islogan ‘Ngħixu s-Suċċess’; suċċess għal min u f’hiex: għat-tniġġiż fl-arja?

Hu qal li sfortunatament, il-kampanja kbira negattiva li kien għamel il-Prim Ministru bħala Kap tal-Oppożizzjoni kontra r-riforma tat-trasport pubbliku fl-2011, li kienet kontra sistema li s-sussidju tagħha kien €6 miljun fis-sena, illum qed tħalli l-effetti tagħha wkoll. Anke l-fatt li xogħolijiet ta’ toroq mhux qed jitlestew fil-ħin stipulat, qiegħed jikkontribwixxi għal żieda fl-emmissjonijiet minħabba iġġammjar ta’ traffiku f’ toroq alternattivi.

Hu qal Ii j ekk nieħdu x-xogħol fi Vjal x-Xarolla, ż-Żurrieq u Triq il-Kuċċard f’Ħal Safi, minħabba nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern, xogħol li kellu jieħu ftit xhur, għaddew kważi tlett snin u lanqas nofs x-xogħol għadu ma tlesta għax Triq il-Kuċċard għadu ma sar xejn minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Dan ħoloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta’ din it-triq kif wkoll lir-residenti tal-madwar bil-konsegwenza ta’ tjun, trabijiet u mard.

Toni Bezzina kompla li ambjent sostenibbli jfisser wkoll illi l-ambjent ta’ madwarna jkun ambjent ta’ kwalità u sostenibli: nuqqas li sfortunatament n-nies tan-naħa t’ isfel ta’ Malta qed ibagħtu minnu. Dawn huma nies li jgħixu fi rħula bħaż-Żurrieq, Birżebbuġa, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Għaxaq u rħula oħra tal-madwar.

Jekk wieħed jara x’ kellhom iħabbtu ma’ wiċċhom residenti ta’ dawn l-irħula wieħed jirrealizza li din in-naħa ta’ Malta dejjem kellha tilqa’ fi ħdanha industriji li kellhom effett negattiv fuq l-ambjent ta’ madwarhom.
Hu qal li wieħed ma jistax ma jsemmiex il-Miżbla ta’ Wied Fulija li kien fetaħ il-Parit Laburista meta kien fil-Gvern fl-akkwati taż-Żurrieq. Miżbla li għalkemm illum tinsab magħluqa, għada toħloq inkonvenjent kbir liż-Żrieraq u residenti oħra tal-madwar.

Dwar il-ħsejjes maħluqa mill-ajruport u minn industriji oħra li joperaw fil-manutenzjoni tal-ajruplani, hu qal li hemm irħula fil-madwar ibagħtu mill-inkonvenjent maħluq mill-ħsejjes għal iljieli sħaħ.
Hemm l-issue tal-Freeport; intarpriża li għalkemm qed tagħmel suċċess, qeda toħloq inkonvenjent lir-residenti ta’ Birżebbuġa bi storbju kontinwu. Għalhekk, parti mill-qliegħ ta’ din l-intarpriża għandu jiġi investiti biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti.

Però dan ma kienx bizzejjed. Issa l-Gvern qiegħed jikkunsidra li jibni trakka tal-karozzi f’Ħal Far. Hu qal li mhux kontra li ssir trakka tal-karozzi għax id-dilettanti tal-karozzi u tal-muturi għandhom dritt li jipprattikaw id-delizzju tagħhom. Iżda mhux f’Ħal Far jew f’ xi lokalità oħra fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Naħseb in-naħa t’isfel ta’ Malta kienet ta’ servizz mhux biżżejjed, iżda żżejjed għall-pajjiż. Ejjew inthuhom ftit nifs lir-residenti tan-naħa t’isfel, sostna Toni Bezzina.

Il-fatti kif jirriżultaw anke miċ-ċifri ippublikati mill-Gvern stess juru li pajjiżna jeħtieġ li jkollu strateġija moderna għal ambjent sostenibli bi pjan fit-tul li jkollha qbil nazzjonali wiesa’ fuqu biex inkunu nistghu inlaħħqu mal-miri Ewropej fejn jirrigwardja tnaqqis ta’ emmisjonijiet u ambjent sostenibbli.