Il-waterpolo se jikteb paġna oħra importanti fl-iżvilupp ta’ dan l-isport hekk kif kollaborazzjoni bejn l-ASA u l-Iskola Nazzjonali tal-Isport wasslet biex grupp ta’ 16-il student minn din l-iskola se jmorru għal kamp ta’ taħriġ f’Ostia f’Ruma bejn l-Erbgħa u s-Sibt li ġej.
Il-President tal-ASA Joe Caruana qal li dawn it-tfal għandhom opportunità li dawk li ġew qabilhom u rrefera għal Ostia bħala l-post fejn bdiet l-istorja riċenti tar-riżultati li nkisbu fl-aħħar snin f’dan l-isport.
Caruana Curran saħaq li s-soluzzjoni biex iż-żgħażagħ jitjiebu hi proprju li jipparteċipaw aktar barra minn Malta u jilagħbu kontra timijiet aqwa minnhom. Il-President tal-ASA żied li “meta tilħaq ċertu livell, ix-xogħol hu li żżommu.” Hu insista li din il-ħidma bejn l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-ASA hi indispensabbli.
Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo kien wieħed mill-persuni fondamentali biex dan il-ħsieb se jseħħ. Hu stqarr li jinsab eċċitat daqs meta t-tim nazzjonali pparteċipa fil-Kampjonat Ewropew f’Belgrad f’Jannar tal-2016.
Izzo spjega fid-dettall il-programm ta’ dawn it-tfal fejn qal li huma se jilagħbu kontra Vis Nova, tim tan-nisa li jilgħab fil-Kampjonat A1 u Lazio. Minħabba li hemm żewġ settijiet ta’ etajiet ta’ plejers, sar qbil biex l-avversarji jilagħbu bil-plejers iżgħar kontra xulxin. Hu qal li dan se jkun test impenjattiv għal dawn it-tfal minħabba l-fiżiċità tal-avversarji.
Waqt dan il-kamp ta’ taħriġ se jkun hemm ukoll taħdidiet mill-plejer internazzjonali Malti Jordan Camilleri li hu wkoll tabib, fejn se jitkellem l-aktar dwar kif it-tfal għandhom iqassmu l-ħin. L-assistent kowċ tat-tim Taljan ta’ taħt is-17 u d-19-il sena Mino Di Cecca wkoll li se jkellem lil dawn iż-żgħażagħ.
Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal li “is-suċċessi ma jinkisbux mix-xejn iżda bis-sagrifiċċji.” Cutajar indirizza lit-tfal u żied li hu permezz ta’ dawn l-inizjattivi li l-isport jiffjorixxi. Cutajar kompla li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jrid jifhem kif jistgħu jkunu aktar flessibbli.
Kevin Azzopardi li hu l-Education Officer fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni qal li din il-kollaborazzjoni bejn l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u l-ASA bejn it-tfal tas-seba’ u l-ħdax-il sena twassal biex din il-mixja għal dawn it-tfal tibda minn din l-esperjenza.
Il-Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport Robert Magro qal li l-iskop ta’ din il-mawra hi li jagħtu l-opportunità lil dawn il-plejers li jgħixu ħajja professjonali. Magro qal li flimkien ma’ dawn it-tfal se jkun hemm l-għalliema Niki Lanzon, li hu wkoll plejer tal-waterpolo, u Graziella Galea li se tieħu ħsieb aktar l-aspett akkademiku.
Iċ-Ċentru Federali ta’ Ostia nfetaħ fl-2009 u sar l-ambjent naturali għall-preparazzjoni tat-timijiet nazzjonali Taljani tal-waterpolo, l-għawm, diving u l-għawm sinkronizzat. Dan l-impjant għandu pixxina ta’ 50 metru bi 33 metru, minbarra faċilitajiet oħra bħal eżempju gym.
Il-ħidma tal-ASA fl-iżvilupp taż-żgħażagħ tidher li se tkompli bis-saħħa hekk kif hu mistenni li aktar tard din is-sena u l-bidu tas-sena li ġejja, it-timijiet nazzjonali ta’ taħt it-13, il-15 u s-17-il sena jibdew jipparteċipaw fil-Kampjonat Taljan.
//= $special ?>