Futbol Sport

Gżira United b’ilment uffiċjali dwar l-assistent referee Thomas Debono

Il-leaders tal-Kampjonat Premier Gżira United ressqu ilment uffiċjali quddiem l-MFA dwar l-assistent referee Thomas Debono. Ikkonferma dan il-President tal-istess klabb Sharlon Pace waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq NET FM.

Din il-kwistjoni feġġet fir-rebħa ta’ 1-0 tas-Sibt li għadda li Gżira United kellhom kontra Floriana. Gżira pprotestaw għal penalty għal allegat fawl ta’ Jurgen Pisani fuq Haruna Garba, episodju li Glen Tonna wera l-karta safra lil Garba għal simulazzjoni. Fi tmiem il-partita, Garba saħansitra tkeċċa wara argumenti li nqala’ mad-difensur Furjaniż Enzo Ruiz.

Il-preżentatur Christian Micallef għamel referenza għal dik li kiteb is-Segretarju ta’ Gżira United Ian Micallef fuq facebook. Micallef kiteb; “dan il-linesman għandu simpatija kbira għat-team fil-Premier li qed ifittex lil Garba għal €50,000. S’issa kburi li bħala Avukat ta’ Haruna Garba irbaħtilkom kull każ. Ser inkompli niġġieled din l-inġustizzja sal-aħħar nifs. Thomas Debono għandu jiġi sospiż immedjatament.”

Fil-post li Micallef kiteb, hu beda jagħmel referenza għal Ħamrun Spartans. Fil-passat l-istess klabb kien għamel ilment simili dwar Debono. Dan seħħ f’logħba li Ħamrun ma kinux fl-azzjoni, fiż-żmien meta Gżira United u Ħamrun Spartans kienu t-tnejn qed jissieltu għall-promozzjoni fl-Ewwel Diviżjoni, bil-President Sharlon Pace qal f’Replay Ikompli li Micallef kien fakkru dwar dan l-inċident fil-passat li kien seħħ.

“Ir-rapport kien li tah daqqa ta’ ponn. Dan mhux żball, żball meta sar xi ħaġa u ma rajtix. Xi ħaġa li ma rajtix ma tistax tiġri.” Il-President ta’ Gżira qal li Garba hu tip ta’ persuna li jfittex il-punt u rrakonta kif Garba qal lill-avversarju “ara ma terġax ittini daqqa ta’ minkeb”. Hu li jaf lil Garba, Sharlon Pace żied li jemmnu.

Il-President tal-Maroons kompla li huma kienu talbu dan għaliex ir-referee hu partitarju ta’ Ħamrun. “F’din il-logħba saret froġa darba tnejn, reġa’ bata l-klabb u dan il-persuna kien hemm,” saħaq Pace.