Lokali

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin “qed jinvestiga” żjara “uffiċjali” ta’ Neville Gafa’ fil-Libja

Storja stramba li feġġet fil-midja Libjana u segwita mill-ġurnali Maltin hekk kif il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qed jitlob spjegazzjoni dwar żjara “uffiċjali” ta’ Neville Gafa’, konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-Libja f’dawn l-aħħar jiem.

Il-mezzi tax-xandir Libjani, inkluż l-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Gvern Libjan, irrapportaw żjara minn Neville Gafa’ fi Tripli, li matulha kellu laqgħat ma’ diversi uffiċjali għolja Libjani, fosthom il-Ministru tal-Intern Libjan Fathi Pasha. Gafa’ kien deskritt fir-rapporti Libjani bħala “mibgħut speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat”. Ir-rappurtaġġ taż-żjara fil-Libja kien komplut ukoll b’ritratti uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern.

Sadanittant, Neville Gafa’, li kien involut fl-iskandlu tal-bejgħ ta’ visas mediċi lil ċittadini Libjani biex jiġu Malta għall-kura, ċaħad li mar il-Libja fuq xogħol u qed jinsisti li ż-żjara fil-Libja kienet waħda personali fejn iltaqa’ ma numru ta’ nies li kien jaf, uħud minnhom uffiċjali għolja fil-Gvern Libjan.

Il-kobba tkompli titħabbel iktar hekk kif il-ġurnal Times of Malta illum jirrapporta li Gafa’ irnexxielu jiżgiċċa lill-awtoritajiet tas-sigurta’ Libjani li kellhom ordnijiet biex iżommuh. Il-ġurnal jirrapporta wkoll li sezzjoni tal-midja Libjana qalet li Neville Gafa ingħata informazzjoni li kien se jinżamm, biddel il-pjani tiegħu fl-aħħar minuta u wasal lura Malta permezz ta’ titjira mit-Tuneżija. Anki hawnhekk, Gafa’ ċaħad dawn ir-rapporti u qed jgħid li dawn huma ‘fake news’ instigati minn sezzjoni tal-midja Libjana intiża biex “tħammeġ ir-reputazzjoni tajba tiegħu”.

Intant, il-ġurnal The Malta Independent għamel kuntatt mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, li tenna li Gafa’ mhux impjegat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u m’għandux passaport diplomatiku. Qal li Charles Saliba għadu fil-proċess li jiġi maħtur Ambaxxatur Malti għall-Libja. Hu qal li l-Gvern “talab spjegazzjoni” mingħand Gafa’ dwar iż-żjara tiegħu.

Fl-2016, meta kien uffiċjal fil-Ministeru tas-Saħħa, Neville Gafa’ kien akkużat minn whistleblower Libjan li kien qed imexxi racket ta’ visas mediċi fejn allegatament talab €2,500 għal kull persuna. Minkejja dan ir-rapport tal-whistleblower u diversi provi oħra illi daħħal madwar €38,000, il-Pulizija qalet li ma kienx hemm evidenza biżżejjed biex jitressaq il-Qorti.