Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Kurt Farrugia żamm imsakkra għandu l-kopja tal-inkjesta Egrant

Illum kompliet il-kawża ta' Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali

Dalgħodu fil-Qorti kompliet il-kawża li fetaħ il-Kap tal-PN Adrian Delia kontra l-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant – inkjesta li għadha qed tinżamm moħbija, meta ħaddieħor ingħata l-inkjesta kollha. Fost dawn hemm il-Ministru Owen Bonnici u l-Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja Kurt Farrugia.

Fil-fatt, illum kien imiss lil Farrugia illi jixhed quddiem l-Imħallef Robert Mangion, fejn fost l-oħrajn mistoqsi jekk qatt iddiskutiex ir-riżultat tal-inkjesta Egrant mas-superjur tiegħu Keith Schembri, taħt ġurament hu ċaħad li qatt għamel dan.

Fil-Qorti, Kurt Farrugia ammetta li għandu kopja tal-inkjesta, u li din għadha msakkra fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.

Ftit tal-jiem ilu, delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet żaret pajjiżna biex tistħarreġ dwar is-Saltna tad-Dritt, stqarret li hu kruċjali li r-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar Egrant ikun ippubblikat.
Id-delegazzjoni qalet li l-fatt li huma biss membri tal-Gvern li għandhom kopja ta’ din l-inkjesta u li ġew ippubblikati biss partijiet minnha qed ikompli jimmina il-fiduċja fil-proċess.

L-Avukat Ġenerali qed jibqa’ jżomm stinat u ma jridx jippubblika l-inkjesta.