Internazzjonali

Jippruvaw jikkalmaw it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna

Diversi pajjiżi, bil-Ġermanja minn ta’ quddiem nett, qed jippruvaw jikkalmaw it-tensjoni li l-Ħadd splodiet bejn l-Ukrajna u r-Russja. Tensjoni li wasslet għas-sekwestru ta’ tliet bastimenti tal-Qawwa tal-Baħar Ukrena minn bastimenti Russi, kif ukoll il-feriment ta’ diversi baħrin Ukreni.

Dan wara konfront li kien hemm il-Ħadd, li ra tliet bastimenti Ukreni li kienu qed ibaħħru barra mill-kosta tal-Krimea jisppiċċaw issekwestrati wara konfront fuq il-baħar.

Minħabba dak li ġara ssejħet laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
L-Ukrajna qalet li bastiment Russu baqa’ dieħel f’wieħed mill-bastimenti tagħha filwaqt li r-Russja qed tgħid li l-bastiment daħal illegalment f’ibħra territorjali Russi. Ir-Russja kienet għaqqdet il-Krimea, li kienet parti mill-Ukrajna, mal-kumplament tal-pajjiż fl-2014. L-ekwipaġġi tal-vapuri issa jinsabu f’idejn il-forzi Russi f’Kerch.

Wara l-inċidenti kien hemm protesti quddiem l-Ambaxxata Russa f’Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, fejn karozza diplomatika Russa ngħatat in-nar fl-inkwiet li kien hemm.