Sport Waterpolo

Jordan Camilleri jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-Waterpolo għall-ewwel darba

(Ritratt: Martin Agius)

Il-plejer internazzjonali Malti Jordan Camilleri rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Camilleri kellu staġun mill-aqwa fejn kien strumentali biex Neptunes rebħu l-Kampjonat Premier wara li għelbu lil San Ġiljan fil-finali tat-tielet u l-aħħar play-off.

Din kienet sena importanti għal Camilleri hekk kif minbarra l-impenji li kellu ma’ Neptunes, lagħab fil-Kampjonat Ewropew f’Barcelona għat-tieni edizzjoni konsekuttiva, kif ukoll għall-ewwel darba qed jilgħab barra minn Malta ma’ Roma Nuoto fil-Kampjonat Taljan A1.

Camilleri li għandu 25 sena hu plejer versatili, iżda bla dubju li wieħed mill-aktar pożizzjonijiet li jispikka fihom hi fid-difiża. F’dan l-istaġun ma’ Roma Nuoto, Camilleri sab ix-xibka erba’ darbiet f’seba’ logħbiet filwaqt li fil-Kampjonat tas-sajf Camilleri skorja 44 gowl.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Camilleri fejn qal li dan l-unur ifisser ħafna għalih għaliex hu rikonoxximent tad-dedikazzjoni tiegħu lejn dan l-isport kif ukoll is-sagrifiċċji kollha li għamel matul is-sena. “Naħseb li kien l-aqwa staġun fil-karriera tiegħi u determinat li nkompli nibni fuq dan is-suċċess fil-futur.”

Ir-rebbieħa kollha

Kampjonat Premier        Jordan Camilleri (Neptunes)

Kampjonat I Diviżjoni   Christian Gialanze (Marsaxlokk)

Kampjonat tan-nisa       Louise Cachia (Sliema)

Kampjonat U20              Jeremy Abela (Neptunes)

Kampjonat U17               Ken Erdogan (Neptunes)

Kampjonat U15               Jake Muscat (Neptunes)

Kampjonat U13               Alec Fenech (Sliema)