Lokali

Konfermata r-relazzjoni bejn il-Gvern u l-Pilatus

Konferma li wara l-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti hemm xibka ċara u sħiħa. Dan hekk kif l-entità tal-Gvern Identity Malta kienet tħeġġeġ lil azjendi mħajra biex ikunu aġenti ta’ din l-Iskema biex jużaw is-servizzi tal-Bank skreditat Pilatus.

Dan kien żvelat mill-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg waqt l-aħħar sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali. Matul id-diskors tiegħu, hu żvela l-ittra mibgħuta mill-Gvern fejn uża lil Identity Malta.

L-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti dejjem ħolqot kontroversja għall-mod kif l-identità Maltija u Ewropea qed tingħata lill-barranin sempliċiment għax ikunu multi-miljunarji.

Min-naħa l-oħra, il-Bank Pilatus kien f’nofs l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti miftuħa fil-Panama mill-Ministru Konrad Mizzi, miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u minn xi ħadd ieħor, li s’issa għadu mhux magħruf.

Minkejja d-diversi ċirkostanzi li fihom saret pressjoni, l-awtoritajiet Maltin dejjem ħaslu jdejhom milli jieħdu passi fil-konfront tal-Pilatus, minkejja allegazzjonijiet ċari ta’ tmexxija ħażina.

Barra minnhekk, is-Sid u Chairman tal-Bank Ali Sadr Hasheminejad spiċċa arrestat fl-Istati Uniti b’akkużi ta’ frodi u li kiser sanzjonijiet kontra l-Iran.

It-tkaxkir tas-saqajn u l-ħasil tal-idejn mill-Gvern Malti wassal biex il-każ tela’ quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew, li approva t-tneħħija tal-liċenzja.

L-ittra żvelata waqt il-Kunsill Ġenerali turi r-rabta li l-Gvern ta’ Muscat dejjem kellu mal-Bank Pilatus, tant li fiha l-aġenziji mħajra kienu jingħataw preżentazzjoni tas-servizzi offruti minnu.