Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-pożizzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi m’għadhiex waħda tenibbli u għandu jirriżenja minnufih għax qed iħammar wiċċ Malta. Il-Kap tal-PN qal dan fil-Parlament waqt id-diskussjoni fuq l-att li temenda l-kodiċi kriminali, l-att dwar il-ħasil tal-flus u l-att dwar il-vittmi tal-kriminalità.
Adrian Delia qal li kull ġurnata li Konrad Mizzi jibqa’ Ministru qed tbati r-reputazzjoni ta’ Malta, bl-ammont ta’ kundanni li qed jaslu mill-awtoritajiet Ewropej u barranin. Huwa qal li l-ħasil tal-flus jsir ukoll billi jkollok kumpaniji sigrieti fil-Panama bħal Hearnville u Tillgate, li nfetħu minn Konrad Mizzi u Keith Schembri u fihom tiddikjara li tirċievi €150,000 fix-xahar minn kumpanija misterjuża bħalma hija 17 Black f’Dubaj. Dan wara li Reuters irrappurtat kif is-sid ta’ 17 Black huwa wkoll is-sid ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju Electrogas li ntgħażel biex jibni u jħaddem il-power station ġdida f’Delimara.
Adrian Delia qal li biex taħsel il-flus, ma jistgħux ikunu flus nodfa iżda jridu jkunu flus maħmuġin li jkunu ġejjin fost l-oħrajn mill-korruzzjoni u jitpoġġew f’kont bankarju biex isir il-ħasil tal-flus. Huwa qal li jekk tmur għand bank serju dan jara li l-flus ma jkunu ġew b’mod suspettuż u kien għalhekk li l-Gvern ġab il-bank Pilatus f”Malta sabiex jinfetħu kontijiet suspettużi. Dr Delia qal li mhux biss id-depożiti fil-kontijiet tal-bank Pilatus kienu maħmuġin iżda wkoll il-kapital li bih infetaħ dan il-bank, għaliex ġew minn ħasil tal-flus. Huwa qal li kellu jkun il-Bank Ċentrali Ewropew li ordna lil MFSA biex tirtira l-liċenzja ta’ dan il-bank.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkwota numru ta’ midja lokali u internazzjonali li rrappurtaw każijiet ta’ nuqqasijiet f’pajjiżna, fosthom kif il-Kummissjoni Ewropea kienet tat xahrejn żmien sabiex il-Gvern idaħħal fil-liġi ta’ Malta d-direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus; it-tħassib tal-Awtorità Bankarja Ewropea li kienet qalet kif ‘kien hawn nuqqasijiet sistematiċi u ġenerali’ fuq il-ħasil tal-flus; kif il-Kummissjoni Ewropea trid li jkun hawn kordinazzjoni effettiva tal-awtoritajiet kontra l-ħasil tal-flus; u l-każ tal-President tal-Veneżwela li uża kont f’bank f’Malta biex jagħmel ħasil tal-flus.
Adrian Delia qal li quddiem dawn il-kundanni, r-risposta tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kienet li qed jaqbdu magħna għaliex aħna pajjiż żgħir, dan meta kellu jerfa’ r-responsabbilità politika. B’hekk abdika mir-responsabbilità li jipproteġi lil pajjiżna.
Il-Kap tal-PN qal li l-uniku mod li l-Gvern sab biex jattira l-investiment lejn Malta kien il-bejgħ tal-passaporti. Huwa qal li l-midja rrappurtat każ ta’ Russu li xtara l-passaport, u allura ċittadina Malti, kien parti minn racket internazzjonali tal-ħasil tal-flus. Dokumentarju tal-BBC, stazzjoni televiżiv li fil-passat kien vetrina għal Malta, jgħid li sirna d-dar ta’ dawk li jaħslu l-flus. Dan meta studju nazzjonali sab li Malta hija ‘high risk’ għall-ħasil tal-flus u ‘medium risk’ biex tintuża għall-finanzjament tat-terroriżmu.
Adrian Delia qal li l-liġi titkellem fuq piena ta’ 18-il sena u multa ta’ €2.5 miljun iżda mhux biżżejjed li jkollok il-liġi meta l-istituzzjonjiet ma jitħallewx jagħmlu xogħolhom għaliex huma maħtufin mill-Gvern. Huwa qal li l-Avukat Ġenerali msemmi fil-liġi bħala funzjonarju prinċipali tat-twettiq tagħha. Dan huwa l-istess Avukat Ġenerali li l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ kawża Kostituzzjonali kontrih biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.
L-istess Avukat Ġenerali ma jridx jagħtih kopja għaliex Adrian Delia ma kienx se jħallih fil-kexxun. L-istess Avukat Ġenerali li iżda ta kopja lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia, li bil-ġurament xehed li jmexxi l-aġenda politika u l-propaganda tal-Gvern. Kurt Farrugia ħalef li dan ir-rapport ma ddiskutih ma’ ħadd, lanqas ma’ Keith Schembri li huwa l-boss tiegħu
Dr Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jistenna l-konklużjoni tal-inkjesti qabel jiddeċiedi meta waħda qed iwaqqafha bl-appelli u oħra qalilna li mhix kontra Keith Schembri. Huwa qal li kieku ma għamilx il-mistoqsijiet fil-Parlament, ma kienx ikun magħruf li hemm inkjesta fuq 17 Black u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Prim Ministru kienu se jżommu din l-informazzjoni importanti mistura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, Joseph Muscat qal li l-inkjesta hija kontra kumpanija biss meta dan ma jista’ jkun qatt. Huwa qal fi programm televiżiv Joseph Muscat kien qal li Keith Schembri jirriżenja jekk ikun hemm inkjesta kriminali kontrih iżda għadu hemm. Joseph Muscat mhux qed jgħid il-verità u mhu qed jemmnu ħadd.
Adrian Delia qal li jekk Joseph Muscat ma jridx jieħu d-deċiżjoni u jwarrab lil Konrad Mizzi u Keith Schembri se tbati r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li l-Ministri, li ħalfu li jiddefendu u jħarsu l-interessi tal-Malta, qed iħarsu l-interessi ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dr Delia spjega li meta sseħħ il-koruzzjoni u jsir il-ħasil tal-flus, il-vittmi tal-kriminalità huma n-nies, il-familji, l-ħaddiema u l-persuni onesti.
//= $special ?>