Hu ta’ dieqa għall-Oppożizzjoni wkoll li r-Renju Unit se jitlaq minn membru tal-Unjoni Ewropea. Il-Britanniċi kellhom kull dritt jagħżlu dan, iżda xorta tibqa’ d-dieqa fost il-Maltin daqskemm fost l-Ewropej.
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-ħin ta’ Stqarrija Ministerjali wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ta informazzjoni dwar x’ħareġ mis-Summit speċjali li nżamm il-Ħadd dwar Brexit.
Adrian Delia qal li għalkemm hu l-obbligu tal-Parlament Malti li nħarsu d-dritt taċ-ċittadini tagħna, hu importanti naraw ukoll li r-Renju Unit ikompli jistagħna. B’hekk, ikunu salvagwardjati wkoll il-Maltin li jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit, kif ukoll il-Britanniċi li jaħdmu u jgħixu f’pajjiżna.
L-Oppożizzjoni taqbel mal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, tenna Adrian Delia, filwaqt li appella lill-Parlament Ingliż – il-House of Commons – biex jaqbel ma’ dan il-ftehim. Qal li jekk ma jkunx hemm qbil, is-sitwazzjoni żgur li tikkumplika ruħha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li għalkemm pajjiżna mhux se jkun l-aktar li jintlaqat ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jibqa’ d-dmir tagħna li nimmonitorjaw dak li jkun għaddej. Dan għaliex l-inċertezza tibqa’ l-għadu tan-negozju.
Filwaqt li wissa li bdil fil-Gvern Ingliż f’dan l-istadju jnaqqas mill-garanzija li d-drittijiet tal-Maltin jibqgħu imħarsa, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se terġa’ tkun mal-Gvern Malti biex ir-reputazzjoni tas-settur finanzjarju f’pajjiżna jkun salvagwardjat.
Fid-diskussjoni kienu trattati wkoll mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u David Stellini.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Maltin li jgħixu fir-Renju unit se jibqa’ jkollhm l-istess drittijiet li għanhdom illum.
//= $special ?>