L-MEP Roberta Metsola fetħet bażi permanenti f’Għawdex biex tkun tista’ tiltaqa’ b’mod regolari mal-kostitwenti f’din il-gżira.
L-MEP Metsola qalet: “Sa mill-ewwel ġimgħat li kont eletta biex nirrapreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew, dejjem assigurajt li nqatta’ l-ħin f’kull parti tal-pajjiż, nisma’ nitgħallem, niddibatti u nassigura li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fuq livell Ewropew jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.”
“Irridu nkomplu mmexxu ‘l quddiem l-idea ta’ Għawdex bħala reġjun, bl-isfidi u l-karatteristiċi distinti tiegħu. Jiena żort il-gżira prattikament kull ġimgħa jew ġimgħatejn għal snin twal, niltaqa’ man-nies fi djarhom, fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan ifisser li jien nista’ nifhem aħjar dak li n-nies iridu mir-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Ewropew, u kif nistgħu nindirizzaw dan it-tħassib fl-Ewropa. Issa wasal iż-żmien għall-pass naturali li jmiss, li niftaħ bażi permanenti għall-kostitwenza fl-Għarb, Għawdex,” żiedet tgħid l-MEP Metsola.
“F’Malta, jien nista’ niltaqa’ man-nies fl-uffiċċju tiegħi fil-qalba tal-Ħamrun – imma issa, b’bażi permanenti f’Għawdex, nista’ noffri l-istess servizz lill-kostitwenti f’Għawdex. Ifisser ukoll li n-negozji Għawdxin ikollhom post fejn jiltaqgħu miegħu, u fejn nista’ norganizza laqgħat ta’ kostitwenza, appuntamenti u nkompli nisma’ x’għandhom x’jgħidu n-nies.
Dan il-Gvern injora l-bżonnijiet tal-Għawdxin. Il-ħaddiema għadhom isibuha diffiċli biex jaqsmu lejn Malta kuljum; l-istudenti għadhom qed jiffaċċjaw prezzijiet tal-kera għoljin; in-negozji ma raw ebda passi biex tiġi indirizzata l-insularita doppja li jiffaċċjaw. Għawdex ma jistax jibqa’ waħdu, irridu nattiraw investiment ġdid lejn il-gżira, mmexxu ‘l quddiem l-aġenda reġjonali u noħolqu opportunitajiet ġodda,” qalet l-MEP Metsola.
//= $special ?>