Il-President Amerikan Donald Trump wissa lill-Messiku li jrid ibattal il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi wara l-inċidenti li kien hemm il-Ħadd.
Inċidenti fejn mijiet ta’ immigranti ppruvaw jaqsmu lejn l-Istati Uniti u bil-forzi tas-sigurtà Amerikani jisparaw il-gass tad-dmugħ biex iwaqqfuhom. L-uffiċjali Amerikani qalu li gwardjani tal-fruntiera Amerikana sfaw mira ta’ tfigħ ta’ ġebel u oġġetti oħra hekk kif l-immigranti ppruvaw jaqsmu lejn in-naħa Amerikana.
Issa Trump ilu jgħid li eluf ta’ immigranti mill-Amerika Latina li kienu qed jinġabru f’Tijuana ma kinxu se jitħallew jaqsmu. Huwa saħansitra bagħat eluf ta’ truppi biex isaħħu s-sigurtà.
Trump b’reazzjoni għal dak li ġara l-Ħadd qal li jekk hemm bżonn kien lest jagħlaq il-fruntiera mal-Messiku għal kulħadd.
Aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, il-President Trump ħabbar li kien ta l-permess lill-forzi tas-sigurtà Amerikani tul il-fruntiera Messikana biex jużaw il-forza kollha neċessarja jekk jaraw li jkunu fil-periklu u jkun qed jintilef il-kontroll tas-sitwazzjoni.
Trump iwissi lil Messiku


