Lokali

Akram, il-Libjan li tilef ħajtu waqt xogħlu, se jindifen fil-Libja

Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena Akram Ạlmsẖạy se jindifen fil-Libja wara l-inċident fatali f’sit ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema.

Dan is-sit jinsab infurmat li din kienet ix-xewqa tal-familja ta’ Akram, Libjan li hu miżżewweġ lil tfajla Maltija u li ħalla warajh tifla ta’ sena u ftit xhur.

Il-mewt ta’ Akram ixxukkjat lil ħafna, bit-tfajla tiegħu Amira twassal messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Net News: “Inħobbuk ħafna u mhu se ninsewk qatt.”

Dan kien messaġġ komuni anke fost il-komunità Libjana f’Malta, b’dawk kollha li kienu jafuh ifakkruh bħala bniedem kwiet, mill-aħjar u li kien iħobb lil familtu u li kiseb ir-rispett ta’ kull min kien jafu.

L-aħbar tal-mewta traġika tiegħu wasslet ukoll għal ammont kbir ta’ messaġġi li wegħduh li jieħdu ħsieb bintu daqs li kieku kienet tagħhom.

Kien hemm ukoll messaġġi ta’ kundanna għal min bla skruplu … u minuti wara l-inċident, xerred il-filmat taż-żagħżugħ imdendel u jipprova jżomm ma’ ħabel qabel waqa’ seba’ sulari.

Fost dawn Omar Rababah, żagħżugħ li jaf lill-familja ta’ Akram. Hu staqsa min se jikkonsla lil bint Akram ladarba tikber u tara lil missierha f’dawk il-mumenti. Fid-dawl ta’ dan appella mhux biss biex il-filmat jinteħħa, imma wkoll biex min xerrdu jitlob skuża lil familtu.

Anke l-komunità Libjana fuq il-midja soċjali appellat biex ħadd ma jxerred il-filmat b’rispett ta’ martu, bintu u dawk kollha li kienu jafuh.