Uffiċjal ewlieni fis-Senat Franċiż inżamm taħt arrest fuq suspett li kien qed jispjuna għall-Korea ta’ Fuq komunista. Dan meta hu rappurtat li l-istess uffiċjal, Benoit Quennedey, kien ilu taħt investigazzjoni minn Marzu.
Is-sorsi qrib is-sistema ġudizzjarja ta’ Franza qalu li Quennedey kien arrestat b’konnessjoni ‘mal-ġbir u trasferiment ta’ informazzjoni lil potenza barranija’. Ir- rapporti komplew li l-uffiċjal, issa, qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li qed jagħmlulu l-membri tal-aġenzija DGSI għas-sigurtà domestika. Intant, saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ Quennedey, f’Pariġi, u fid-dar tal-ġenituri tiegħu fil-belt ta’ Dijon.
Benoit Quennedey hu involut mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Wirt Storiku mas-Senat, minbarra li hu wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Ħbiberija bejn il-Franċiżi u l-Koreani (AAFC) li tippromwovi r-rabtiet eqreb mal-Korea ta’ Fuq, minbarra li qed tappoġġja r-reunifikazzjoni tal-Korej.
Dan l-uffiċjal, fis-snin riċenti, ivvjaġġa diversi drabi lejn il-Korea ta’ Fuq, filwaqt li li hu l-awtur ta’ diversi artikli u kotba rigward l-Istat komunista. Waqt dawn il-vjaġġi hu ltaqa’ ma’ uffiċjali u akkademiċi li qed jaħdmu fl-oqsma tal-arkitettura u l-kostruzzjoni.
It-Tmexxija tas-Senat Franċiż ma kummentatx dwar l-arrest ta’ Benoit Quennedey meta d-dettalji tal-każ ħarġu għall-ewwel darba waqt programm tal-istazzjon televiżiv TMC, fejn anki ssemma ‘rejd speċifiku fuq l-uffiċċju ta’ Quennedey fis-Senat’.
//= $special ?>

