L-aħwa Stevie u Jordan Camilleri komplew bil-mument tajjeb ma’ Roma Nuoto fil-Kampjonat Taljan A1 minkejja li Roma sfaw megħluba 10-9 minn RN Florentia fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. Sitta mid-disgħa gowls skorjati mit-tim tal-kapitali waslu proprju mill-aħwa Camilleri, b’Stevie jiskorja ħames gowls filwaqt li Jordan skorja l-gowl l-ieħor.
Permezz ta’ dawn il-gowls, Stevie Camilleri kompla jitla’ fil-klassifika tal-aqwa skorers u tella’ t-total għal 17-il gowl daqs Gonzalo Echenique taċ-champions Taljani Pro Recco u Pietro Figlioli ta’ Brescia. L-aqwa skorer hu Stefano Luongo ta’ BPM Sport Management b’21 gowl segwit minn Christian Presciutti ta’ Brescia minn 18-il gowl, żewġ plejers li fil-passat lagħbu f’pajjiżna.
B’din it-telfa Roma Nuoto niżlu fid-disa’ post minn 14-il tim iżda jinsabu biss tliet punti taħt l-istess Florentia li jinsabu fil-ħames post.
Florentia kellhom bidu tajjeb u marru 2-0 minn fuq iżda Roma ġabu d-draw b’doppjetta ta’ Stevie Camilleri, bl-ewwel wieħed jasal b’superjorità numerika. Florentia temmew l-ewwel sessjoni 4-3 minn fuq, iżda fit-tieni sessjoni Roma dawru r-riżultat b’gowl ta’ Jordan Camilleri minn man-up u Stevie Camilleri.
Florentia reġgħu marru minn fuq u ħadu vantaġġ mit-tkeċċija ta’ Paskovic u marru żewġ gowls vantaġġ, b’Stevie Camilleri jnaqqas id-distakk għal 8-7. Fit-tielet sessjoni Roma kellhom jiġru wara l-logħba u baqgħu gowl żvantaġġ, b’Stevie Camilleri jerġa’ jnaqqas id-distakk fl-aħħar sessjoni, iżda minkejja wirja brillanti ma kienx biżżejjed biex isalva l-logħba għat-tim tiegħu.
Il-logħba li jmiss ta’ Roma Nuoto hi s-Sibt li ġej kontra RN Savona.
//= $special ?>