Ambjent Lokali

Il-Ministru tal-Ambjent jammetti li fallejna fl-immaniġġjar tal-iskart

“F’dak li għandu x’jaqsam mar-riċiklaġġ qegħdin ħażin. It-Turkija biss hi agħar minnha bażikament.”

Hi din l-ammissjoni tal-Ministru tal-Ambjent, Jose Herrera, fil-jum li fih ġie ppreżentat ir-rapport dwar l-istat tal-ambjent f’Malta, ibbażat fuq seba’ snin ta’ studju mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Dwar l-iskart, ir-rapport jgħid li pajjiżna qiegħed dejjem iżjed jaħli din ir-riżorsa u li l-livell tal-iskart prodott f’pajjiżna per capita hu għoli meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra. Jingħad li Malta mhix tlaħħaq tillimita l-ġenerazzjoni tal-iskart.

Mistoqsi minn dan il-ġurnal dwar is-sitwazzjoni tal-iskart, li ħarbet minn taħt idejn dan il-Gvern, Herrera ddikjara li l-kritika li qed issir dwar dan ir-rigward hi  leġittima. “Ittardjajna snin biex nieħdu miżuri radikali,” qalilna l-Ministru.

Mistoqsijiet li dan il-ġurnal għamel fost oħrajn wara li sar magħruf li ċ-Ċentri għal-Iskart Goff imtlew, l-istess bħal-landfill. Imtlew ukoll il-kontejners tal-Wasteserv tant li l-operaturi li jiġbru l-iskart goff qed jarmu kollox f’munzelli fis-siti rispettivi waqt li numru ta’ makkinarju tal-Wasteserv jinsab wieqaf bil-ħsara.
Mistoqsi dwar l-emissjonijiet, il-Ministru Herrera jidher li qata’ qalbu li nilħqu l-miri, tant li ddikjara li għamilna miri għoljin wisq. “Il-miri f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet, irridu nieħdu miżuri aktar drastiċi. Fuq dak li hu non ETS emissions, ma tantx għandna fejn innaqqsu, għax meta għamilna l-miri, għamilna benchmarks għoljin.”

Il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera qabel ukoll ma’ rapport tal-Ombudsman, li kkritika l-użu ta’ siti li suppost fihom ma jsirx żvilupp iżda li nbidlu għax fihom saru proġetti ta’ kostruzzjoni.

“Malta magħrufin li ma tantx nużaw regolamentazzjoni b’saħħitha biżżejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-kostruzzjoni,” stqarr Herrera.

Ir-rapport tal-ERA jitkellem ukoll dwar diversi aspetti oħra fejn fost oħrajn qed ikun innutat li f’pajjizna in-numra ta’ karozzi sploda, tant li l-emissjonijiet saru inkwiet ewlieni għall-ambjent. Jikkonferma dan studju tal-Unjoni Ewropea li sar fost studenti Maltin u li juri li dawk li jkunu fi klassijiet li jagħtu għal fuq it-triq isofru minn problemi respiratorji u livelli ogħla ta’ carbon monoxide.

Innutat ukoll li l-problema tal-istorbju qed tikber u trid tiġi ndirizzata bil-ħolqien ta’ toroq iktar siguri, playgrounds siguri u żoni naturali ‘l bogħod mit-traffiku.