Internazzjonali

Il-Pjaneta Mars: Jirnexxi l-inżul tar-robot tan-NASA

L-aġenzija tal-ispazju NASA (tal-Istati Uniti) fl-aħħar sigħat irnexxielha tniżżel robot ġdid fuq Mars, magħrufa bħala l-Pjaneta l-Ħamra, u wara proċess li kellu konklużjoni drammatika.

Ir-robot ‘InSight’ għandu jissorvelja z-zoni l-aktar ‘il ġewwa fil-pjaneta, b’din tkun l-ewwel darba li Mars qed tgħaddi minn dan it-tip ta’ analiżi profonda.

L-inżul tar-robot fuq Mars ma kienx mingħajr il-mumenti ansjużi, fost il-kollegamenti kontinwi dwar il-proċess u sakemm il-kontrolluri tan-NASA, f’Kalifornja, ikkonfermaw is-suċċess tal-missjoni malli deher ċar li l-InSight kien ‘qawwi u sħiħ fuq wiċċ il-pjaneta’.

L-amministratur ewlieni tan-NASA, James Bridenstine, kien fost l-ewwel li ċċelebra ‘dan il-jum memorabbli għall-esplorazzjoni tal-ispazju’, bil-President Amerikan Donald Trump joffri l-kongratulazzjoni lill-kontrolluri fil-Jet Propulsion Laboratory ta’ Kalifornja.