Eks-Segretarju tad-Difiża Britanniku attakka bl-aħrax il-ftehim propost mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit li fissru bħala ‘mejjet fl-ilma’. Intant, Sir Michael Fallon – li kien serva taħt l-eks Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron u l-Prim Ministru attwali, Theresa May, qabel irriżenja sena ilu – insista li l-ftehim ma’ Brussell irid ikun innegozjat mill-ġdid u li ‘il-futur ta’ Theresa May jinsab f’idejn il-kollegi tagħha’.
L-attakk ta’ Fallon qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta oħra għall-Prim Ministru May li qed tistinka biex tikseb l-appoġġ għall-ftehim tal-Brexit fil-Parlament.
Id-deputati fil-House of Commons, fil-11 ta’ Diċembru, jivvutaw jekk jaċċettawx jew jiċħdu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u dwar ir-relazzjonijiet futuri mal-Unjoni. Il-Laburisti fl-Oppożizzjoni, flimkien mal-Liberali Demokratiċi, il-Partit Nazzjonali Skoċċiż, u l-Partit DUP tal-Irlanda ta’ Fuq kollha qalu li se jivvutaw kontra l-ftehim, bl-istess fehma tkun riflessa fost numru ta’ deputati mal-Partit Konservattiv ta’ May.
Il-Prim Ministru May, fl-aħħar sigħat, kienet għaddejja bi żjara f’Wales u l-Irlanda ta’ Fuq biex tikkonvinċi lin-nies li l-ftehim dwar il-Brexit għandu jelimina l-inċertezza dwar il-kummerċ.
Iżda Arlene Foster, il-Kap tal-Partit DUP, fissret iż-żjara ta’ May bħala ‘ħela ta’ ħin’ waqt li qalet li l-Parlament mhux se jappoġġja l-ftehim li hi laħqet mal-UE.
Filwaqt li d-DUP għandu patt mal-partit ta’ May biex jappoġġja lill-Gvern ta’ Londra, Foster qed issostni li ‘Theresa May qatgħet qalbha milli tikseb ftehim aħjar għall-Irlanda ta’ Fuq fid-dawl tal-Brexit’. Arlene Foster kompliet li ‘in-nies iddejjqu bid-dawmien tal-proċess (Brexit) u li mhemmx raġuni valida biex jaċċettaw dak li hemm fuq il-mejda’.
Id-deputati li huma kontra l-ftehim ma’ Brussell qalu li dan għandu jżomm lir-Renju Unit ‘marbuta wisq’ mar-regoli tal-UE u li jkun aktar diffiċli għar-Renju Unit biex, fil-futur, jilħaq il-ftehim kummerċjali (esklussivi) ma’ pajjiżi oħra.
//= $special ?>

