Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kien xhieda ħajja tal-mentalità tal-Partit Nazzjonalista li jrid ipoġġi fil-qofol tiegħu liż-żgħażagħ.
Innota dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, biż-żgħażagħ preżenti jippreżentawlu sitt dokumenti b’temi differenti u diversi proposti.
Adrian Delia rrefera għall-ammont konsiderevoli ta’ żgħażagħ li ngħataw l-opportunità li jindirizzaw u jkunu protagonisti tal-Kunsill Ġenerali. Qal li dan għax jemmen li ż-żgħażagħ kapaċi u għandhom ikunu katalisti tal-bidla fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex eventwalment ibiddlu wkoll lil pajjiżna.
Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar ukoll lill-President tal-KNŻ Michael Piccinino li kien elett fil-Bord tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej. Adrian Delia qal li din hi ħatra li ġġib ġieħ lil Malta.
Min-naħa tiegħu Piccinino appella lill-partiti politiċi biex jikkunsidraw il-proposti li għamlu l-membri tal-KNŻ, xi ħaġa li Adrian Delia wiegħed li se jagħmel b’reqqa. Wara din il-laqgħa, fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ mistenni jippreżenta d-dokumenti tiegħu wkoll lill-President u l-Prim Ministru.
//= $special ?>