Futbol Sport

It-tieni leg tal-finali tal-Copa Libertadores se tintlagħab barra l-Arġentina

(Ritratt: EPA)

It-tieni leg tal-finali tal-Copa Libertadores bejn River Plate u Boca Juniors li kienet posposta l-Ħadd li għadda minħabba vjolenza, se tintlagħab barra mill-Arġentina wara deċiżjoni tal-CONMEBOL. Il-logħba se tintlagħab fit-8 jew fid-9 ta’ Diċembru f’post li għadu jrid ikun deċiż.

Il-logħba kienet skedata għas-Sibt iżda kienet sospiża sal-Ħadd wara li partitarji attakkaw ix-xarabank ta’ Boca Juniors. Diversi plejers ta’ Boca weġgħu meta t-twieqi tax-xarabank inkisru fi triqthom lejn Estadio Monumental. Il-President tal-CONMEBOL Alejandro Dominguez qal li l-kundizzjonijiet ma jippermettux li l-logħba tintlagħab fl-Arġentina u ma eskludix li l-logħba tintlagħab bil-bibien magħluqa.

Boca Juniors riedu li River Plate ikunu skwalifikati, bil-President tagħhom Daniel Angelici jgħid li jekk hemm bżonn jappella d-deċiżjoni fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport, filwaqt li ma qabilx mad-dati l-ġodda.

Il-logħba bejn ir-rivali ta’ Buenos Aires kienet imlaqqma bħala l-aqwa finali fit-58 sena storja tal-kompetizzjoni. Il-biljetti taż-żewġ logħbiet inbiegħu kollha, b’diversi partitarji u media minn madwar id-dinja marru biex jaraw dak li ħafna jikkunsidraw bħala waħda mill-aktar rivalitajiet ħorox fl-isport. L-ewwel leg intemmet 2-2.

Wara l-inċidenti li seħħew is-Sibt, diversi plejers ta’ Boca ma kinux disponibbli biex jilagħbu minħabba li uħud spiċċaw jirremetu filwaqt li oħrajn sofrew minn uġigħ kawża tal-ħġieġ tax-xarabank li nkiser u spiċċa fuqhom. Boca Juniors ilmentaw li ma jkunx ġust li l-logħba tintlagħab.

Il-kapitali tal-Paragwaj Asuncion qed tissemma li tista’ tospita l-logħba kif ukoll Miami. Bliet fl-Italja, il-Brażil u l-Kolombja wkoll jidhru li offrew li jospitaw il-logħba.

Id-data l-ġdida tassigura li r-rebbieħa tal-Copa Libertadores jistgħu jikkompetu fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs li tibda fit-12 ta’ Diċembru fl-Għarab Emirati Magħquda. Ir-rebbieħa tal-CONMEBOL jilagħbu l-ewwel logħba tal-kompetizzjoni tat-18 ta’ Diċembru u jistgħu jilagħbu kontra r-rebbieħa tal-UEFA Champions League Real Madrid fil-finali.