Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ ħabs għal anzjan li abbuża minn żewġ subien

Abbuża sesswalment minn żewġ subien biex jagħtihom x’jieklu

Il-Qorti tal-Appell illum ikkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs mogħtija lil anzjan illi f’Awwissu li għadda nstab ħati li abbuża sesswalment minn żewġ subien biex jagħtihom x’jieklu jew ftit flus – każi li ġraw f’diversi okkażjonjiet u li seħħew qabel Frar li għadda.

John Zammit ta’ 70 sena mill-Belt appella mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati u talab fost l-oħrajn biex jingħata piena iktar ġusta u ma jintbagħatx il-ħabs meta titqies l-età tiegħu u l-ammissjoni bikrija fost affarijiet oħra.

L-Avukat Ġenerali rribatta lid-difiża li l-effett trawmatiku fuq it-tfal se jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha u għalhekk huwa tal-fehma li s-sentenza mogħtija m’għandhiex tinbidel.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qalet li minkejja li qed jintalab tibdil fil-piena, l-anzjan fl-ebda ħin ma wera sinjal ta’ riforma u għalhekk jippreżenta theddida għas-soċjetà u hemm il-possibilità li jirrepeti reati simili.

L-Imħallef qalet li l-imputat approfitta minn persuni vulnerabbli li kellhom bżonn direzzjoni fil-ħajja u flok talab l-għajnuna meħtieġa, uża lis-subien biex jissodisfa lilu nnifsu.

Il-Qorti kkundannat l-aġir tal-imputat u qalet li dan għandu jiġi rifless fis-sentenza. L-Imħallef spjegat li l-piena ta’ tliet snin ħabs taqa’ fil-parametri tal-liġi. Tħoss li għandha tkun severa fl-applikazzjoni tal-piena biex tibgħat messaġġ lis-soċjetà li l-Qorti mhux se taċċetta dawn it-tipi ta’ reati.

Filwaqt li l-Qorti qalet li qegħda hemm biex tagħmel ġustizzja, trid tipproteġi lill-minuri li jiġu abbużati.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza mogħtija lil Zammit ta’ tliet snin ħabs. Dan minbarra li l-Qorti ordnat lir-Reġistratur tal-Qrati biex isem l-imputat jitniżżel fuq ir-Reġistru tal-Pedofeli.