Lokali

Bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar id-droga fost in-nisa

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Ċifri xokkanti minn madwar id-dinja, hekk kif hu stmat li kważi 35 miljun mara jagħmlu użu frekwenti mid-droga.

Dan ħareġ minn riċerka ppubblikata fil-European Drug Report għall-2017 u li kienet trattata f’Konferenza Nazzjonali organizzata mill-Fondazzjoni OASI, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar u Villa Arrigo.

Dr Marilyn Clarke, li kienet il-kelliema ewlenija, tkellmet dwar kif il-mod kif vizzju jiżviluppa fin-nisa hu ferm differenti minn kif l-istess vizzju jiżviluppa fl-irġiel. Għalhekk, għandna naraw li n-nisa jiġu offruti t-trattamenti bżonjużi u dak kollu meħtieġ biex individwu jerġa’ jintegra lura fis-soċjetà wara li jkun għeleb il-vizzju tad-droga.

Kompliet li l-abbuż regolari tad-droga hu ferm aktar komuni fost l-irġiel, għalkemm sfortunatament, in-numru ta’ nisa li qed jabbużaw mid-droga llum qed joqrob lejn dak tal-irġiel. Innutat it-tendenza li n-nisa jżommu l-użu tad-droga mistur minħabba li jistħu u għalhekk, hemm bżonn ta’ aktar kuxjenza dwar dan.

Ikkonkludiet billi tenniet l-impenn tagħha biex tgħin aktar nisa jitkellmu u jieħdu t-trattamenti meħtieġa ħalli jegħlbu l-problema tad-droga.

Preżenti wkoll għal din l-attivita kien hemm is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, li spjegat li l-Kunsill Lokali jikkollabora mal-Fondazzjoni Oasi sabiex bħala Kunsill ikunu dejjem viċin in-nies u jaraw x’inhuma l-problemi soċjali li qed jaffaċċjaw l-individwi tal-lokalita’.