Lokali

F’ħames xhur: Jintefqu iktar minn €9,000 f’reklami fuq Facebook mill-entitajiet fl-OPM

L-Entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefqu iktar minn €9,000 f’reklami fuq Facebook bejn Ġunju u Ottubru li għadda.

F’informazzjoni li ngħatat fil-Parlament wara Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, l-erba’ entitajiet li jaqgħu taħt l-OPM nefqu bejniethom €9,297 f’reklami fuq Facebook.

Din iċ-ċifra hi kważi d-doppju tan-nefqa fuq reklamar matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena.

L-ikbar nefqa kienet mill-Aġenzija tal-Informatika tal-Gvern il-MITA li nefqet €5,253 f’reklami. Din kienet segwita mill-Awtorita’ Maltija għall-Komunikazzjoni li nefqet €2,318, żieda qawwija mit-€840 li ntefqu fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena.

L-Aġenziji l-oħra huma l-Kunsill Malta għax-Xjenza u t-Teknoloġija u Identity Malta li nefqu €,1524 u €200 rispettivament. Ċifri oħra dwar nefqa fuq social media ingħataw mill-Ministeru għall-Ekonomija. Fl-istess żmien bejn Ġunju u Ottubru, l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru Chris Cardona nefqu iktar minn €3,500 f’reklami fuq Facebook.