Futbol Sport

Haruna Garba ta’ Gżira sospiż tliet logħbiet

Ian Azzopardi jipprova jimblokka kross ta' Haruna Garba (Ritratt: Matthew Tabone)

Ir-rebħa ta’ 1-0 li Gżira United kellhom fuq Floriana s-Sibt li għadda swiet  mhux ftit hekk kif il-Maroons kienu l-aktar milquta mill-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA. L-attakkant ta’ Gżira United Haruna Garba ġie sospiż tliet logħbiet wara li tkeċċa fi tmiem il-logħba.

Sospiżi wkoll kienu s-Segretarju tal-klabb Ian Micallef u t-Team Manager Marlon Galea li ngħataw sospensjoni ta’ għaxar logħbiet kull wieħed. Juan Corbalan kien sospiż logħba. Garba se jitlef il-logħbiet ta’ Gżira kontra Mosta, St. Andrews u Tarxien Rainbows filwaqt li Corbalan se jitlef il-logħba kontra Mosta.

Nemanja Radojevic ta’ Hibernians u Imanol Gonzalez ta’ Senglea Athletic kienu sospiżi logħba u se jitilfu l-konfront bejn iż-żewġ timijiet. Il-kowċ ta’ Tarxien Jose Borg ġie sospiż żewġ logħbiet wara li tkeċċa fir-rebħa ta’ Tarxien kontra Pietà Hotspurs. Borg mhux se jmexxi l-logħbiet fil-konfronti li Tarxien għandhom kontra Valletta u Floriana.

Mill-Ewwel Diviżjoni, Iro Curmi ta’ Mqabba ġie sospiż tliet logħbiet filwaqt li Patrick Borg (Lija), Rafael Junior de Fex Marriaga (Marsa), Ryan Mercieca (Naxxar), Josuel Spiteri (Qrendi), Jackson Usuga Mendoza (Santa Lucia), Clive Brincat (Żebbuġ), Diego Albanese u Clayton Giordimaina ta’ Żejtun kienu sospiżi logħba.

Gaynor D’Amato (Kalkara), Ryan Schembri (Luqa) u Joseph Paul Zammit (Mġarr) kienu sospiżi logħba mit-Tieni Diviżjoni. Il-kit manager ta’ Siġġiewi Donald Buhagiar kienu sospiżi żewġ logħbiet u t-Team Manager ta’ St. George’s Keith Darmanin ġie sospiż logħba.

Mit-Tielet Diviżjoni l-kowċ Roger Mifsud u l-kit manager ta’ Dingli Rigovert Casha kienu sospiżi żewġ logħbiet. Darren Caruana (Għargħur), Ayrton Buhagiar (Kirkop), Steven Baldacchino (Marsaxlokk), Adrian Lanzon (Mtarfa) u Nestor Luis Silva Canas ta’ Xgħajra kienu l-plejers sospiżi logħba.