Lokali Parlament

Il-gvern qed jagħmel ħafna ħsara bil-ħasil tal-flus; għandu jitwaqqaf

Il-Viċi-Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament u d-deputati Nazzjonalista Clauido Grech u David Stellini qalu fil-parlament li l-ħasil ta’ flus lihawn fil-pajjiż qed jagħmel ħafna ħsara lill-pajjiż u għandu jitwaqqaf immedjatament.

Ma nistgħux naċċettaw li jsir ħasil tal-flus f’Malta


– Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius

David Agius tkellem dwar l-importanza li l-ħsara kbira li qed jagħmel il-gvern trid titwaqqaf. Il-pożizzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi m’għadhiex iktar tenibbli u għandu jirriżenja mmedjatament. Il-pajjiż seta’ ffranka l-miljuni fl-enerġija, sostna David Agius, li kompla li l-ħażin hu dak li jagħmlu u ma jistax ikun aċċettat li l-flus maħmuġin jinħaslu f’Malta.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan hu l-aktar gvern Laburista korrott u żied li l-persuni bi problemi ta’ djar xorta se jibqgħu jiffaċċjawhom iżda kieku t-taxxa ta’ korruzzzjoni flok marret fil-korruzzjoni marret għad-djar dawn il-persuni kienu jkunu ħafna aħjar.

L-Oppożizzjoni tinsab man-nies waqt li l-gvern qed jaqla’ ċertifikat biex jagħmel l-affarijiet sew. Dan il-gvern mhux se jeqred il-faqar kif kien wiegħed li se jagħmel. Illum il-gvern jifraħ għax il-faqar żdied b’10,000 għal 72,000.

Malta llum hi l-aħħar fl-Ewropa biex joperaw in-negozji. Dan il-gvern m’għandux pjan biex jirranġa t-80% tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li huma skorretti u żaljati.

Il-Viċi-Kap tal-PN tkellem dwar il-korruzzjoni u dwar 17 Black u sostna li l-gvern m’għandux il-valuri u l-prinċipji li jwaqqaf dan il-ħażen. Fil-PL hemm l-omertà u ħadd ma jitkellem, sostna David Agius li kompla li min qed ibati se jkompli jbati minkejja li hemm il-korruzzjoni.

Il-ħasil tal-flus jagħmel ħsara lill-ekonomija


– Claudio Grech, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech tkellem dwar is-sinifikat tal-ħasil tal-flus u kif dan jista’ jispiċċa fis-sistema ekonomika u dik kriminali. Hu sostna li l-frott ta’ dan ir-reat qed jispiċċa jitgawda. Il-gvernijiet huam xprunati li jaħdmu dejjem iktar biex isaħħu l-leġiżlazzjonijiet għaliex il-pajjiż ma jistax jibqa’ ċass quddiem il-ħsara li l-ħasil ta’ flus jagħmel fis-soċjetà. Hu qal li kull min joħroġ għall-politika għandu għal qalbu l-ġid komuni.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-istituzzjonijiet għandu jkollhom il-qafas leġiżlattiv u l-poteri li hemm bżonn biex l-istituzzjonijiet jagħmel id-doveri tagħhom b’mod effettiv. Hu qal li għandu oġġezzjoni kbira għal min jargumenta li l-ħasil tal-flus mhux ħażin għall-ekonomija. Fil-fatt dan iressaq lejn attività ekonomika li hi riskjuża u li ġġib l-ekonomija dipendenti fuqha..

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-Sata Bank u qal li l-FIAU u l-MFSA aġixxew bi proporzjon ma’ dak li kien rapportat. Dan fisser li aħddiema innoċenti li ma kellhom l-ebda tort iffaċċjaw konsegwenzi kif għamlu negozji żgħar u ħaddiema li kellhom kontijiet fil-bank. Jeħtieġ għalhekk attività leġiżlattiva effettiva, sostna Claudio Grech, li appella biex il-pajjiż ikun kawt dwar il-cryptocurrency.

Il-Gvern qed jilgħab man-nar


– David Stellini, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Stellini qal li Malta għandha bżonn l-investitur barrani biex joħloq ix-xogħol waqt li l-Maltin jinvestu f’pajjiżi barranin. Hemm bżonn li l-ekonomija Maltija tkun miftuħa. Hu tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta u qal li l-każ ta’ 17 Black hu każ tipiku ta’ ħasil ta’ flus.

David Stellini qal li s-settur tan-negozju qed isibha diffiċli li jitkellem għaliex is-settur sejjer tajjeb. Il-banek għandhom responabbiltajiet kbar u jridu jirrapportaw meta jara attvità ta’ ħasil ta’ flus. Hawn banek f’Malta li qed jirrifjutaw li jiftħu kontijiet għal klijenti u investituri barranin f’Malta.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel rabta bejn in-negozju u l-korruzzjoni u li l-korruzzjoni teffettwa ħażin fuq l-investiment f’Malta u fuq l-impjiegi. Hu qal li l-pajjiż qed jilgħab man-nar għax ma keċiċex lil Konrad Mizzi u keith Schembri. Jeħtieġ li f’Malta kulħadd, inkluż is-settur tan-negozju, kontra l-kroruzzjoni.