Lokali

Konrad Mizzi f’eloġju lilu nnifsu minflok ma jindirizza r-Rapport tal-Awditur Ġenerali

“Il-punt ewlieni li ħareġ mill-analiżi tal-Awditur Ġenerali (NAO) dwar il-progett tal-Power Station il-ġdida kien il-mod inkonsistenti li kien adottat fil-valutazzjoni tas-sottomissjonijiet …”

“… in-nuqqasijiet relatati mad-due diligence kienu wkoll ta’ tħassib, bil-verifiki mwettqa meqjusa bħala insuffiċjenti. Aktar minhekk, in-nuqqas ta’ evidenza li l-Enemalta kkunsidrat mudelli ta’ akkwist alternattivi jqanqal riżervi dwar id-disinn tal-proġett”.

Dawn huma biss żewġ siltiet mir-Rapport tal-NAO dwar il-Power Station tal-Gass – il-progett tal-Electrogas li kien xprunat mill-Ministru Konrad Mizzi.

Ftit minuti biss wara li ġie ppreżentat dan ir-Rapport fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet, li matulha naqas milli jindirizza dawn il-punti u minflok infexx f’eloġju lilu nnifsu.

Konrad Mizzi kien ilu ma jsejjaħ konferenza tal-aħbarijiet mit-13 ta’ Ġunju meta kien nieda attvita’ ta’ Nickelodeon għat-tfal, bil-Ministru jisparixxi ghalkollox meta sar maghruf li s-sid ta’ 17 Black hu d-Direttur tal-Electrogas.

Ma setax jonqos li f’din l-ewwel dehra tiegħu wara ħafna żmien, il-ġurnalisti kollha jistaqsuh dwar ir-rabta tiegħu ma’ 17 Black. Iżda hu harab milli jirrispondi, kif ma weġibx lanqas dwar in-nuqqasijiet kbar li jispikkaw fir-Rapport tal-NAO dwar il-Power Station il-ġdida.

It-tweġiba tal-Ministru kienet biss li kull progett ikollu nuqqasijiet.