Lokali Parlament

L-Awditur Ġenerali jikkonferma – il-proċess tal-kuntratt tal-power station kien imbagħbas

L-Awditur Ġenerali ikkonferma li l-proċess tal-kuntratt tal-power station kien mittiefes.

Dan jirriżulta fir-rapport ta’ 600 paġna li nvesta l-kuntratt tal-Electrogas għall-power station u li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra llum.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk wara dan ir-rapport, il-Ministru tal-Enerġija għandux xi stqarrija ministerjali x’jagħmel.

Il-Prim Ministru Jospeh Muscat qal li l-Ministru tal-Enerġija għad irid jaqra dan ir-rapport u sostna li diġà qed issir analiżi tar-rapport. Hu qal li hu sodisfatt bil-konklużjonijiet tar-rapport.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li f’nofs siegħa minn kemm ilu għandu r-rapport, l-Oppożizzjoni tistabilixxi li r-rapport hu kundanna assoluta li dan il-kuntratt kien mittiefes mill-ewwel ġurnata tiegħu fejn kien stabbilit li l-biders ma kinux trattati l-istess. Hu nnota kif l-enerġija setgħet inxtrat irħas kieku xtrajniha mill-interconnector. Fuq sena din tfisser miljuni ta’ ewros misruqin minn bwiet il-poplu.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li r-rapport jispeċifika li minkejja n-nuqqasijiet li seta’ kien hemm, il-proċess kollu kien ikun l-istess u għalhekk kien korrett. Hu qal li l-informazzjoni fir-rapport hi skorretta minħabba li dan jieħu perjodu li fih il-power station kinet qed taħdem b’open cycle.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-fatti huma li qed jinsterqu €50 għal kull megawatt li tfisser miljuni minn bwiet il-poplu.